Lokali Parlament

ll-Gvern għadu ma spjegax x’ħiliet finanzjarji għandha l-kumpanija Ġordaniża

Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech ikkritika lill-Gvern li għadu ma spjegax x’ħiliet finanzjarji għandha l-kumpanija Ġordaniża li l-Gvern se jkun qed jgħaddilha l-artijiet u proprjetà, u x’inhuma l-kapaċitajiet tekniċi u x’esperjenza għandha fis-setturi li qed tidħol għalihom.

Claudio Grech tkellem fil-Parlament dwar l-aspett ekonomiku u qal li dan il-proġett fih erba’ elementi rilevanti mill-aspett ekonomiku – l-aspett edukattiv, l-utilità tal-proġett biex ikollok talent li jattira, l-impatt ta’ proġetti maġġuri u l-attrazzjoni ta’ investiment barrani. Fuq dawn l-aspetti, l-Oppożizzjoni taqbel kompletament. Dawn it-tip ta’ proġetti jservu biex tibda ddawwar ir-rota f’setturi li jkun għad mhumiex żviluppati.

Claudio Grech qal li filwaqt li diffiċli li wieħed jibda billi jġib kumpaniji ta’ ċerta entità, irid ikun rikonoxxut li l-amministrazzjonijiet preċedenti dan irnexxielha tagħmlu.

Ix-Shadow Minister qal li f’pajjiżna kellna numru kbir ta’ investimenti differenti fil-qasam edukattiv u kien hawn żvilupp sostanzjali fis-settur tat-tagħlim tal-Ingliż. Dan jista’ jkompli jiżviluppa u jattira investiment ieħor marbut miegħu.

Claudio Grech qal li d-dibattitu m’għandux jieqaf biss fuq l-aspett kuntrattwali iżda anke fuq kemm min se jwettaq il-proġett, jista’ jħajjar aktar talent internazzjonali biex minbarra t-tagħlim ikun jista’ wkoll jimla l-vojt li jinħass f’ċerti ħiliet li huma meħtieġa.

Spjega li l-kuntratti li kienu diskussi s’issa dejjem kienu akkumpanjati jew minn permessi ta’ żvilupp jew ta’ pjan ta’ żvilupp.
Claudio Grech qal li d-definizzjoni ta’ università amerikana hi definizzjoni laxka. L-essenza tal-proġett mhux it-trasferiment tal-art iżda l-aspett edukattiv tiegħu. Talab lill-Ministru jispjega dak li hemm fil-kuntratt dwar l-esklussività. Staqsa jekk din hix se tekludi milli istituzzjonijiet Amerikani jkunu jistgħu jiġu jinvestu f’pajjiżna.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-kuntratt għandu jara li t-tagħlim li jsir ikun marbut mal-ħtiġiet li għandu pajjiżna.
Claudio Grech qal li ma jissemma xejn dwar l-infrastruttura. Żied li l-aċċess għaż-żewġ siti jrid jitjieb u hemm bżonn li meta l-proġett ikun lest, irid ikun hemm l-infrastruttura li tiflaħ għall-iżvilupp li jsir.

Claudio Grech qal li sar tqabbil mal-kumpannija ta’ Smart City. Il-kumpanija ta’ Smart City għandha bażi finanzjarja ċara u soda, iżda f’dan il-każ mhi qed tingħata l-ebda informazzjoni. Staqsa wkoll kemm il-kumpanija jew il-grupp ta’ kumpaniji f’dan il-proġett se jkunu qed jikkontribwixxu bħala investiment dirett. Hu meħtieġ li jkun aċċertat li min se jidħol għal dan il-proġett ikun finanzjarjament b’saħħtu biżżejjed biex iwettaq il-proġett. Kien jistenna li jiġu ppreżentati audited accounts.