Il-Maġistrat ġdida Donatella Frendo Dimech astjeniet milli tisma’ fl-Awla tagħha kawża kontra Diretturi tal-kumpanija Ċiniża Leisure Clothing minħabba li fissret li meta hi kienet taħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, kienet tat pariri legali relatati mal-każ.
Din il-kawża kontra Diretturi tal-Leisure Clothing hi fost numru ta’ kawżi oħrajn li kienu qed jinstemgħu quddiem il-Maġistrat Carol Peralta.
Madankollu, minħabba li hu rtira mis-Servizz, numru ta’ kawżi li kienu jinstemgħu quddiemu kienu trasferiti quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li sa ftit tal-ġimgħat ilu kienet tokkupa kariga għolja fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Din il-kawża partikulari hi kontra d-Diretturi ta’ Leisure Clothing Bin Han, li għandu 46 sena u joqgħod San Ġwann, u Jia Liu, li għandu 31 sena u joqgħod Birżebbuġa.
Bin Han u Liu Jia huma akkużati, fost l-oħrajn, bi traffikar ta’ persuni, kif ukoll bl-isfruttament ta’ ħaddiema Asjatiċi fil-fabbrika Leisure Clothing f’Bulebel.
//= $special ?>

