Internazzjonali

Miet Licio Gelli tal-P2

Fl-Italja tħabbret il-mewt ta’ Licio Gelli, fl-età ta’ 96 sena, fid-dar tiegħu f’Arezzo.
Gelli kien il-fus wara ħafna mill-misteri tal-istorja reċenti Taljana. Hu kien imexxi l-loġġa tal-Mażuni P2 (Propaganda Due), li kien suspettat li kienet wara konfoffa Faxxista fis-snin tmenin biex jieħu l-kontroll tal-Italja.
Gelli, finanzier, kien implikat fl-akbar skandli u misteri fl-Italja tul dawn l-aħħar 40 sena, skandli kemm ta’ kriminalità, kif ukoll ta’ flus.
Gelli kellu kuntatt mill-qrib ma’ diversi persuni influwenti, kemm fl-Italja, kif ukoll madwar id-dinja, partikolarment fl-Arġentina u kien isostni li kien daħħal lil Juan Peron bħala Mażun. Il-folja nqalbet għal Gelli bl-iskandlu tal-Banco Ambrosiano meta fl-1981 inkixfet il-P2 b’lista ta’ 962 isem, fosthom politiċi importanti u membri tal-forzi tas-sigurtà fosthom il-kapijiet tas-servizzi sigrieti Taljani.
Hu mbagħad ħarab lejn l-Iżvizzera u wara li kien arrestat u ntbagħat il-ħabs, ħarab u mar iċ-Ċilì. Fl-1987 kien estradit lura l-Iżvizzera u sena wara lejn l-Italja, u fil-frattemp kienu nfetħu diversi kawżi kontrih mill-istat, fosthom li fixkel l-investigazzjoni tal-isplużjoni ta’ bomba fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ Bologna fl-1980 li ħalliet 85 persuna mejta.