Lokali Qorti

Multa għaż-żagħżugħ li ħebb għal żagħżugħa quddiem il-Parlament

Żagħżugħ ta’ 16-il sena kien immultat €60 mill-Qorti wara li tressaq ilbieraħ filgħaxija, ftit sigħat wara li l-Pulizija mid-Distrett tal-Belt bdiet investigazzjoni intensiva dwar filmat li wera liż-żagħżugħ jagredixxi żagħżugħa quddiem il-bini tal-Parlament fid-Daħla tal-Belt.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li ż-żagħżugħ, minn Ħal Balzan, kien identifikat fi ftit ħin. Wara li kien arrestat mill-Pulizija, hu tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, akkużat li ħebb u nġurja liż-żagħżugħa u li kiser il-paċi pubblika. Hu kien mixli wkoll li rema’ xi ħaġa f’post pubbliku. Wara li ammetta, iż-żagħżugħ kien immultat €60.

Fl-istqarrija, il-Pulizija appellat lil kulmin ikollu xi evidenza ta’ xi offiża biex jgħaddiha fl-Għassa tal-Pulizija tal-lokal biex jinbdew l-investigazzjonijiet neċessarji. Il-Korp fakkar li kull xewqa ta’ anonimità dejjem tiġi rispettata.