Lokali Parlament

Prova oħra ta’ Gvern li jrid ibigħ kollox

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, qal fil-Parlament li l-kuntratt tal-Gvern dwar l-għoti tal-art fiż-Żonqor, ma’ investitur Ġordaniż li għandu biss lukanda b’90 kamra u hu kuntrattur, hu prova oħra ta’ Gvern li jrid ibigħ kollox kif diġà għamel bil-power station, bl-artijiet tal-Eneamlta, bil-bejgħ taċ-ċittadinanza u kif se jagħmel ukoll bl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Fl-intervent tiegħu dwar il-mozzjoni li biha l-Gvern qed jgħaddi l-art fiż-Żonqor lill-Ġordaniżi, Beppe Fenech Adami qal li wara seba’ xhur li l-Gvern ilu jaħmi minn wara dahar il-poplu, il-Gvern ippretenda li l-Oppożizzjoni tiddiskuti l-kuntratt fi żmien 24 siegħa.

Minkejja li l-Gvern ħaseb li b’dan l-aġir tiegħu se jaqta’ qalb l-Oppożizzjoni biex ma tagħmilx il-kritika, l-Oppożizzjoni hi preparata biex tikxef il-qerq tal-Gvern f’dan ‘l hekk imsejjaħ proġett.

Każ ieħor tat-tkomplija tal-fernesija tal-Gvern li jbiegħ ruħu
Sejjaħ l-iżvilupp fiż-Żonqor li qiegħed iressaq il-Gvern fil-Parlament, bħala każ ieħor tat-tkomplija tal-fernesija tal-Gvern li wera li biegħ ruħu, u li hu prova oħra ta’ Gvern li jrid ibigħ kollox. F’sentejn u nofs dan il-Gvern diġà biegħ il-power station tal-poplu Malti, l-Enemalta u għexieren ta’ metri kwadri ta’ artijiet li kienet tal-Enemalta.

Fakkar li meta sar il-ftehim, ukoll minn wara dahar il-poplu, mhux biss biegħ l-impjant tal-BWSC li kritika tant il-Partit Laburista mill-Oppożizzjoni, iżda wkoll trasferew artijiet kbar lill-kumpanija Ċiniża. Gvern ukoll li jbiegħ kull ma jiġih f’moħħu, bl-unika idea tkun dik x’se jbigħ biex idaħħal il-miljuni.

Ikkritika wkoll lill-Gvern Laburista li qiegħed ibigħ ukoll l-Isptar ta’ Għawdex u għall-ewwel darba, is-saħħa pubblika f’Għawdex se titlaq minn idejn il-Gvern se tgħaddi lill-privat u f’Għawdex daqshekk se jkun hemm sptar pubbliku. Gvern li l-ewwel idea li ġietu f’moħħu kien li jbigħ il-passaport u ċ-ċittadinanza tagħna.

Beppe Fenech Adami saħaq li jekk għandna Gvern li lest li jbigħ iċ-ċittadinanza, ma nistagħġbux li jgħaddi art fiż-Żonqor lil barranin.

Il-kuntrattur mill-Ġordan mhux fil-livell tal-Microsoft u l-HSBC
Irrimarka li fil-ferneżija li jipprova jimita lill-Kapijiet u Prim Ministri tal-PN, lil Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi li ġabu l-Microsoft u l-HSBC, dan il-Gvern se jġib persuna mill-Ġordan, Sadeen, li ħadd ma sema’ bih. Sejjaħ dan il-paragun tal-Prim Ministru Muscat bħala ironiku u assurd.

Beppe Fenech Adami fakkar lill-Parlament li Gvern Nazzjonalista ġab l-investiment fl-avjazzjoni, fis-servizzi finanzjarji, fl-industrija farmċewtika, fis-settur tal-gaming u fl-industrija tat-turiżmu.

Sejjaħ ukoll bħala tal-mistħija li naraw Prim Ministru llum jipprova jbellagħha li investiment ta’ kuntrattur mill-Ġordan hu fil-livell tal-Microsoft u tal-HSBC, u tal-lista twila ta’ investimenti oħrajn. Hu ħażin li l-Gvern jiġi fil-Parlament biex ibigħ xi ħaġa meta tfisser xi ħaġa oħra, jew agħar minn hekk tkun l-oppost.

Jipproġetta xi ħaġa Amerikana meta jaf li m’hemm xejn li hu Amerikan
Ikkritika wkoll lill-Prim Ministru li jirriferi għal investitur Ġordaniż u jgħid li hu investiment Amerikaqn. Gvern li qed jipproġetta xi ħaġa Amerikana meta jaf hu stess li m’hemm xejn li hu Amerikan. Sejjaħ ukoll tal-mistħija kif fiċ-CHOGM li tlaqqa’ f’pajjiżna f’Novembru li għadda, wieħed mill-isponsors ikun l-investitur Ġordaniż, atteġġjament ukoll illegali ta’ dan l-investitur.

Gidba oħra mill-Gvern f’dak li rriżulta fid-dibattitu fil-Parlament, hi li din mhix università xejn iżda higher educational institution. Qal li wara li l-poplu ilu jisma’ bl-għajta ta’ università, wara seba’ xhur qiegħed jgħid issa li din mhix università.

Beppe Fenech Adami qal li l-investitur lanqas mhu l-Bill Gates tal-Ġordan li jrid jinvesti f’Malta. Din il-persuna għandha biss lukanda b’90 kamra u hi kuntrattur. Negozjant li bħalu għandna ħafna bħalu Malta li kapaċi daqsu u aktar minnu.

Proġett li dwaru l-Gvern kien miftiehem miegħu minn qabel
Beppe Fenech Adami qal li dan hu proġett li dwaru l-Gvern kien miftiehem miegħu minn qabel, u li dwar dan l-investitur għad nisimgħu aktar stejjer. Staqsa kif mill-binjiet kollha fil-pajjiż, il-Gvern jiġih f’moħħu li jibni università fiż-Żonqor – f’art quddiem il-baħar biex fuqha jibni d-dormitorju bil-veduti tal-baħar Mediterran.

Saħaq li meta l-Gvern jibqa’ jwebbes rasu u jirrombla minn fuq kulħadd, ir-raġuni ma tkunx sempliċiment għax irid jagħmel il-proġett iżda għax ma jistax jagħmel mod ieġor għax ikun ikkomprometta ruħu mod ieħor. Irrimarka li ħadd ma semma li hemm klawsoli fil-kuntratt biex jekk iridu jibnu ristorant, kafetterijja, lodge, social clubs, u jiftħu wkoll ħwienet.

Għad jasal il-mument li l-proġett jispiċċa stabbiliment ta’ ħwienet
Wissa li meta jispiċċa dan il-proġett, se jkun hemm ħafna ħwienet, kafetteriji, lodge u ristoranti li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-proġett tal-università bl-iskuża tal-bżonn tad-dħul finanzjarju biex il-proġett irendi, u bl-iskuża li hemm il-kompetizzjoni u minħabba li ċ-ċirkustanzi fid-dinja nbidlu. Wissa li għad jasal il-mument li l-proġett jispiċċa stabbiliment ta’ ħwienet.

It-tielet Milied li l-Gvern qiegħed jagħti rigali kbar

Ikkritika wkoll lill-Gvern li dan hu t-tielet Milied li qiegħed jagħti rigali kbar. Fl-ewwel Milied il-Gvern ta rigal tal-Australia Hall b’valur ta’ €10 miljun lilu nnifsu – lill-Partit Laburista; bit-tieni Milied jagħti rigal bid-deal dwar il-Cafè Premier u bid-deal ma’ Gaffarena; u f’dan it-tielet Milied rigal lil Ġordaniżi. ppella lill-Gvern jieqaf fit-tellieqa lejn il-qiegħ u jwettaq dak li wiegħed lill-poplu.

Iddikjara li Malta mhix tal-Partit Laburista u tal-ftit biss, lanqas mhi tal-Ġordaniż, iżda Malta hi ‘Tagħna Lkoll’, u li Malta jixirqilha ħafna aħjar.