It-33 Membru Parlamentari Laburista li vvutaw favur il-bejgħ ta’ art ODZ lill-investitur Ġordaniż Sadeen m’humiex kredibbli fejn jidħol il-ħarsien tal-ambjent.
Fi stqarrija li fiha ddeskriva il-vot favur “ir-rigal tal-Gvern lil Sadeen” bħala “tal-mistħija”, il-Front Ħarsien ODZ qal li s-sessjoni tal-Parlament kienet waħda surreali li fiha tqajjmu iktar dubji dwar dan il-proġett li kien ikkaratterizzat minn governanza terribbli.
Front Ħarsien ODZ qal li l-Gvern poġġa l-karru qabel il-ħmar meta biegħ l-art lil Sadeen qabel il-proġett kien approvat f’termini ta’ ppjanar u akkreditazzjoni. Agħar minn hekk, issa jirriżulta li Sadeen ma applikax għal Universita’ u dan l-iżvilupp se jinkludi kmamar b’veduta tal-baħar, faċilitajiet ta’ divertiment, klinika, ristoranti u drittijiet ta’ rmiġġ.
Sadanittant, il-kelliem ta’ Front ODZ Michael Briguglio ta r-reazzjoni tiegħu fuq twitter.

L-istqarrija tkompli li l-Gvern injora l-kumitat parlamentari dwar l-ambjent li kien qed jiddiskuti postijiet alternattivi għaż-Żonqor kif proposti mill-MEPA, injora l-iSPED mniedi minnu stess li jirreferi għall-użu ta’ art ODZ bħala l-aħħar għażla u injora is-soċjeta’ ċivili u baqa’ għaddej gaffa minn fuq kulħadd.
Filwaqt li rringrazzja lill-Membri Parlamentari, Partiti, NGO’s, il-media u l-pubbliku li ddefendew kontra l-bejgħ taż-Żonqor, il-Front Ħarsien ODZ tenna d-determinazzjoni tiegħu li se jkompli jkun attiv fid-difiża ta’ Malta kontra żvilupp fuq art ODZ.
//= $special ?>

