Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli saħaq li l-Oppożizzjoni qed toġġezzjona għall-għoti tal-art fiż-Żonqor għaliex il-Gvern qiegħed jaġevola investitur bl-ebda esperjenza ta’ tmexxija ta’ università lil spekulatur biex jinvesti b’reklamar irħis u fqir aktar milli biex jeduka u joffri edukazzjoni ta’ kwalità.
Fid-dibattitu dwar l-għoti tal-art fiż-Żonqor lill-Ġordaniżi, Clyde Puli tkellem dwar l-element edukattiv tat-trasferiment tal-art u saħaq li l-Oppożizzjoni dejjem emmnet fl-edukazzjoni. Semma l-Università f’Tal-Qroqq li nbniet fl-1964 minn Gvern Nazzjonalista u aktar tard fl-1987, wara l-attakk kbir fuq l-edukazzjoni mill-Gevrn Laburista, reġa’ fetaħ il-bibien tal-Università. Aktar tard fis-sena 2000 twaqqaf ukoll l-MCAST li laqa’ akta minn 8,000 student ieħor fosthom ukoll bi studji sal-livel ta’ degrees. Dan l-investiment kien kumplimentat ukoll b’investiment ieħor fis-settur kollu tal-edukazzjoni anke bl-użu ta’ fondi Ewropej bis-saħħa ta’ sħubija fl-UE.
Fisser ukoll li meta konna diġà poġġejna s-sisien sodi tal-università, beda jitneħħa l-monoplju fuq l-Università ta’ Malta. Fl-2008 l-MCAST beda joffri korsijiet ta’ degree u pajjiżna beda wkoll jattira ċentri ta’ universitajiet b’kompetizzjoni veri bħalma huma dawk ta’ Manchester, ta’ Londra u ta’ Leicester, u ċentri oħrajn bħalma huma tal-Microsoft u ċentri edukattivi ta’ kwalità. Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-binja fiż-Żonqor minn spekulatur biex jinvesti aktar milli biex jeduka.
Filwaqt li jħares ‘il quddiem għal diskussjoni serja fil-Parlament fis-settur tat-tisħiħ tal-edukazzjoni f’pajjiżna, sa dakinhar l-Oppożizzjoni se tibqa’ bi tħassib serju.
L-Oppożizzjoni hi mħassba li l-Grupp Sadeen xogħlu hu fil-bini u fit-turiżmu għaliex kull ma għandu hu biss ftit ta’ esperjenza fi skola sekondarja żgħira. Sadeen mhu involut f’ebda tmexxija ta’ università u l-Gvern straħ biss li se jixtri programmi edukattivi ta’ universitajiet oħrajn. Tħassib ieħor hu dwar il-livell tal-edukazzjoni. L-Oppożizzjoni temmen li l-istandards irridu ngħolluhom ‘il fuq bħalma seħħ f’servizzi f’industriji oħrajn.
Il-Gvern bidel il-liġi biex jakkomoda investitur u baxxa l-istandards edukattivi
Clyde Puli kritika lill-Gvern li minflok ma għolla l-istandards edukattivi, bidel il-liġi biex jakkomoda investitur u baxxa l-istandards edukattivi. Tnaqqis ukoll li jaffettwa kull kwalifika akkdaemika li tingħata minn pajjiżna.
Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li n-nuqqas ta’ standards qed inaqqsu l-kredibbiltà tagħna fl-edukazzjoni, bħalma tonqos il-kredibbiltà bit-titlu ta’ American University f Malta meta mhix università.
Għalhekk l-oġġezzjoni ta’ din l-istituzzjoni edukattiva f’pajjiżna għaliex qed tiżvaluta l-istandards fl-edukazzjoni, fit-tnaqqis tal-art verġni fiż-Żonqor u għaliex minnu li din se tpoġġina fil-mappa tal-universitajiet madwar id-dinja.
Staqsa kif jista’ l-Gvern iqabbel dan l-investiment minn investituri bla esperjenza, ma’ sieħeb strateġiku bħalma hu l-Microsoft.
//= $special ?>