Lokali Parlament

Wara dibattitu ta’ 15-il siegħa : L-Oppożizzjoni u Marlene Farrugia jivvutaw kontra l-għoti tal-art fiż-Żonqor

Id-dibattitu jibqa’ għaddej sa dalgħodu f’seduta li damet 15-il siegħa u nofs u matul il-lejl kollu

Id-Deputat indipendenti Marlene Farrugia vvutat mal-Oppożizzjoni kontra r-riżoluzzjoni li ressaq il-Gvern fil-Parlament biex art ODZ fiż-Żonqor tingħata lil investitur Ġordaniż.

Il-vot ittieħed fi tmiem seduta li damet 15-il siegħa u nofs, li bdiet ilbieraħ fis-6 pm u ntemmet illum ftit qabel id-9.30am, bil-maġġoranza tal-Gvern tapprova r-riżoluzzjoni u l-art ODZ issa se tgħaddi lil Sadeen Education Investment Limited.

Din il-maratona ta’ dibattitu saret wara li l-Prim Ministru Muscat nhar it-Tnejn filgħaxija, insista u impona b’giljottina fuq il-Parlament li d-dibattitu biex il-Gvern jgħaddi l-art fiż-Żonqor u s-sit tal-Baċir Numru 1 f’Bormla lil Sadeen Education Investment Limited, isir fis-seduta parlamentari li tibda t-Tlieta u jibqa’ għaddej sakemm jittieħed il-vot dwar dan it-trasferiment ta’ art.

Fid-dibattitu li baqa’ għaddej sa dalgħodu, tkellmu 23 kelliem tal-Oppożizzjoni u 16 oħra tal-Gvern, kif ukoll id-deputat indipendenti Marlene Farrugia. Fost il-kelliema kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Qabel ma ttieħed il-vot, il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Ispeaker jiggwida lill-Parlament dwar it-trasferiment tal-art fiż-Żonqor lin-negozjant Ġordaniż minħabba li l-Parlament qed jiġi mitlub jivvota fuq operat ta’ Università meta l-Gvern stess iddikjara li din mhix università iżda istituzzjoni għolja edukattiva.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega li hemm diskrepanzi kbar bejn dak li l-Parlament qed jintalab japprova u dak li hemm dikjarat fil-mozzjoni, li tirreferi għat-titlu ta’ università meta l-iżvilupp fiż-Żonqor se jkun għal istituzzjoni għolja edukattiva.
Simon Busuttil ikkwota mil-liġi li tgħid li titlu ta’ università ma jista’ qatt jintuża f’isem ta’ istituzzjoni li ma jkollhiex liċenzja ta’ univeristà.

Il-Gvern minn naħa tiegħu ma qabilx ma’ dan, bil-Ministru Evarist Bartolo jgħid li l-akkreditazzjoni għal istituzzjoni edukattiva għolja twassal eventwalment għal liċenzja ta’ università.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sejjaħ din l-ispjegazzjoni tal-Gvern bħala diżonesta u saħaq li l-Parlament qed jiġi mitlub jivvota fuq dokument li ma jaqbilx mad-dikjarazzjonijiet tal-Gvern, bil-kuntratt jirreferi kontinwament għal American University of Malta meta l-liġi tgħid ċar li l-ebda istituzzjoni ma tista’ tuża’ t-titlu ta’ università meta ma tkunx qed topera bħala università.

F’ruling li nħata wara li l-Kamra kienet sospiża għal kważi siegħa u nofs, l-Ispeaker la laqax l-osservazzjonijiet li għamlet l-Oppożizzjoni u talab lill-Kamra biex tgħaddi għall-vot, bil-maġġoranza tal-Gvern tapprova t-trasferiment tal-art ODZ fiż-Żonqor u tal-Baċir 1 f’Bormla.

Qabel ma ttieħed il-vot, l-Oppożizzjoni talbet lill-Gvern biex jemenda l-kuntratt kif kien miftiehem waqt id-dibattitu biex titneħħa l-kelma ‘retail’ mill-frażi ‘retail outlets related projects’. Fuq insistenza tal-Oppożizzjoni, il-Gvern wiegħed li dawn il-ħwienet ikunu marbuta mal-iskopijiet tal-entità edukattiva biss.

Meta ttieħed il-vot u l-Ispeaker staqsa l-ewwel għall-vot tad-deputati indipendenti Marlene Farrugia u Giovanna Debono, li ddikjaraw li kienu qed jivvutaw kontra l-għoti tal-art fiż-Żonqor lil investitur Ġordaniż. Il-membri tal-Oppożizzjoni wkoll ivvutaw kontra.

Fi tweet fi tmiem il-votazzjoni wara sessjoni maratona fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil irringrazzja lil kulħadd tal-appoġġ u tenna li l-Oppożizzjoni hi kburija li semmgħet leħinha dwar iż-Żonqor quddiem Gvern b’rasu iebsa

Tweet Kap Zonqor