Filwaqt li l-poplu qed iħejji għall-elezzjoni ġenerali tal-Ħadd, it-tema prinċipali fuq fomm kulħadd hi l-aggrediment għal għarrieda li sofra l-Prim Ministru Spanjol u Kap tal-Partit Popolari Mariano Rajoy li seħħ fil-lejl tal-Erbgħa.
Fl-inċident, Rajoy spiċċa jaqla’ daqqa ta’ ponn mingħand żgħażugħ ta’ 17-il sena waqt walkabout li kien organizzat qabel rally politiku f’Pontevedra, fir-reġjun ta’ Galicia.
Iż-żagħżugħ inkwistjoni kien avviċina lil Rajoy bl-iskuża li jieħu stessu mal-Prim Ministru permezz tal-mowbajl. Iżda l-ġuvni, f’daqqa waħda, xejjer daqqa ta’ ponn f’wiċċ Rajoy u kissirlu n-nuċċali.
Il-ġuvni kien arrestat mill-ewwel mill-pulizija u għamel minn kollox biex jirreżisti lill-uffiċjali tas-sigurtà. Aktar tard il-ġuvni ddikjara li ħassu ferħan ħafna li seta’ jagħmel dak li għamel iżda hu probabbli li jinżamm arrestat f’ċentru tad-detenzjoni għaż-żgħażagħ peress li għadu ma għalaqx it-18-il sena. Hu maħsub li ż-żagħżugħ inkwistjoni għandu konnessjonijiet ma’ diversi gruppi radikali favur l-indipendenza.
Wara li spiċċa aggredit, il-Prim Ministru tmexxa lil hinn mill-membri tas-sigurtà li mbagħad wassluh bil-karozza sal-belt ta’ La Coruna. Hu ma weġġax gravi fl-attakk, bir-rapporti jgħidu li l-Prim Ministru sofra biss xi tbenġil ħafif f’wiċċu.
Sadanittant, il-kapijiet tal-partiti rivali Spanjoli kollha kkundannaw l-attakk pubblikament u aktar tard bagħtu diversi messaġġi ta’ simpatija lil Rajoy għal dak li għadda minnu.
//= $special ?>