Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil fi Brussell għas-Summit tal-PPE

Biex nieħdu ħsieb il-benefiċċji li dejjem gawdejna s’issa biċ-ċaqlieq ħieles tan-nies fil-pajjiżi Schengen, il-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea għandhom isaħħu s-sigurtà fil-konfini ta’ kull pajjiż. Dan għaliex il-konfini ta’ kull pajjiż huma l-konfini taż-żona Ewropea kollha.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza s-Summit tal-Partit Popolari Ewropew, li ltaqa’ llum fi Brussell. Hu nnota b’sodisfazzjon il-proposti mressqa mill-Kummissjoni Ewropea bit-twaqqif tal-Gwardja tal-Kosta u l-Konfini Ewropej għax dawn isaħħu l-protezzjoni tal-pajjiżi membri.

Simon Busuttil qal li l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea huma fid-direzzjoni t-tajba biex nippruvaw insolvu l-kriżi tal-immigrazzjoni. Għalhekk huma pass tajjeb li għandhom jidħlu fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr.

Filwaqt li rrikonoxxa dan, Simon Busuttil qal lill-Kapijiet tal-partiti membri fil-Partit Popolari Ewropew li l-Unjoni Ewropea għandha dejjem iżżomm f’moħħha r-rispett lejn is-sovranità ta’ kull pajjiż.

Aktar kmieni …
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista bħalissa jinsab fi Brussell, fejn qed jipparteċipa fis-Summit tal-Partit Popolari Ewropew, li l-Partit Nazzjonalista hu membru tiegħu. Is-Summit qed jitmexxa mill-President tal-PPE Joseph Daul, fil-preżenza wkoll taċ-Chairman tal-Grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew Manfred Weber.

Fost Mexxejja oħra preżenti għas-Summit ma’ Simon Busuttil, hemm il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy.

Flimkien, dawn qed jiddiskutu kif bħala Partit se jkunu qed jissuġġerixxu l-ġlieda Ewropea kontra t-terroriżmu, kif ukoll is-sehem tal-pajjiżi membri fil-kriżi tal-immigrazzjoni. Fl-aħħar xhur, dawn iż-żewġ temi ddominaw l-aġenda Ewropea u dik dinjija, fost oħrajn anke f’laqgħat li saru f’pajjiżna fil-ġimgħat li għaddew.

Permezz ta’ dan is-Summit, il-Mexxejja Ewropej jippreparaw ruħhom qabel laqgħa oħra tal-Mexxejja Ewropej, li se ssir bejn illum u għada. F’dan il-każ, il-Mexxejja tal-partiti membri fil-PPE jingħaqdu wkoll ma’ Mexxejja minn partiti oħra rrappreżentati fil-Parlament Ewropew. Anke hawn, hu mistenni li l-kriżi tal-immigrazzjoni se tkun qed tiddomina l-aġenda tad-diskussjoni.