Id-deputati parlamentari rivali tal-Libja għadhom kemm iffirmaw il-pjan tan-Nazzjonijiet Uniti biex il-Libja jkollha Gvern għall-għaqda nazzjonali wara aktar minn erba’ snin ta’ konflitt.
L-iżblokk importanti sar fil-Marokk u r-rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti Martin Kobler fisser il-ftehim bħala wieħed storiku. Kobler spjega li l-Libja, sa fl-aħħar, irnexxielha taqleb paġna ġdida fl-impenn kontinwu u diffiċli lejn rikonċiljazzjoni u stabbilità.
Madankollu, il-Kapijiet tal-Parlamenti rivali tal-Libja naqsu li jiffirmaw il-ftehim minħabba punti ta’ diżgwid notevoli. Fl-istess ħin, il-gruppi armati li qed jikkontrollaw ħafna mil-Libja ma kenux imsieħba fit-taħditiet relevanti.
Sadanittant, Martin Kobler qal li l-Gvern Libjan ġdid se jkollu jitratta s-sitwazzjoni umanitarja kkumplikata fil-Libja filwaqt li jikkonfronta lill-ISIS u gruppi oħra ta’ militanti f’artha.
Il-Libja ilha tegħreq fil-kaos mill-2011 wara li kien tqaċċat ir-reġim tal-eks dittatur Muammar Gaddafi. Fl-aħħar xhur, it-terroristi tal-ISIS sfruttaw it-taqlib u l-anarkija fil-Libja biex jespandu l-preżenza tagħhom f’dan il-pajjiż, b’mod partikolari f’Sirte.
//= $special ?>