Internazzjonali

Kritika għal Le Pen talli ċċirkolat qtil tal-ISIS fuq Twitter

Il-ġenituri tal-ġurnalist Amerikan James Foley, li spiċċa maqtul mill-ISIS, ikkritikaw lill-Kap tal-Front Nazzjonali ta’ Franza, Marine le Pen, wara li hi ċċirkolat ritratt tal-katavru mbiċċer ta’ Foley fuq Twitter.

L-ISIS, f’Awwissu, kien ħareġ filmat dwar il-qtil ta’ Foley, li għeb fis-Sirja fl-2012.

Intant, Marine le Pen iċċirkolat materjal relatat mal-qtil ta’ ħaddieħor bi tweġiba lil ġurnalist li kien qabbel il-partit estremista tal-Lemin immexxi minnha mal-ISIS.

Il-ġenituri ta’ Foley insistew biex jitneħħa r-ritratt ta’ binhom li, skont ma qalu, intuża għall-gwadann politiku. Marine le Pen wieġbet li ma kinitx taf li l-materjal li ċċirkolat kien ritratt ta’ Foley u spjegat li dan kien aċċessibbli għal kull min juża n-network tal-Google.

Le Pen qalet li neħħiet ir-ritratt mill-ewwel waqt li prosekuturi f’Nanterre (subborg ta’ Pariġi) sostnew li qegħdin jinvestigawha talli xerrdet ritratti vjolenti fuq il-midja soċjali.