Lokali

Michael Falzon b’pakkett ta’ rtirar għalih

Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta John Cassar ikkonferma li l-pakkett ta’ rtirar tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon kien wieħed imfassal għalih u bi ftehim miegħu.

Cassar White kien qed jitkellem waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Bank, fejn qal li l-pakkett ta’ rtirar ta’ kwart ta’ miljun ewro għal Michael Falzon sar għax kieku ntużat il-proċedura tas-soltu, jiġifieri li jiġi sekondat mal-Gvern, Falzon kien ikollu kunflitt ta’ interess.

Iċ-Chairman tal-BOV kompla li b’dan il-ftehim, jekk Michael Falzon jirritorna mal-Bank qabel ikunu għaddew ħames snin, hu jkollu jirrifondi parti sostanzjali mis-somma li ngħata.

Qal li barraminhekk, Michael Falzon għandu biss sal-aħħar ta’ din il-leġislatura biex jieħu deċiżjoni jirritornax mal-Bank jew le.

Il-pakkett ta’ rtirar kmieni ta’ Michael Falzon jinsab fiċ-ċentru ta’ ħafna kritika għax, fost l-oħrajn, ħadd ma ngħata l-possibbiltà jirritorna l-Bank bħalma ngħata s-Segretarju Parlamentari.