Il-President tar-Russja Vladimir Putin kompla bl-attakki verbali fuq it-Turkija waqt konferenza tal-aħbarijiet annwali li saret fiċ-Ċentru tal-Konferenzi għall-Kummerċ Dinji, f’Moska.
Putin, sadanittant, insista li hu ma jarax prospetti li jitjiebu r-relazzjonijiet ta’ pajjiżu ma’ Ankara, dment li t-Turkija żżomm il-Mexxejja attwali.
Hu sostna wkoll li qiegħed jara sitwazzjoni fejn it-Turkija qed tinbidel bil-mod f’pajjiż Iżlamiku. Din ir-rimarka tidher intiża għall-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, li l-Partit AKP tiegħu, li għandu għeruq Iżlamiċi, hu akkużat li qed jipprova jwarrab l-Istat sekulari li żviluppa tul is-snin fit-Turkija.
Ftit tal-ġimgħat ilu, il-qawwiet tal-ajru Torok waqqgħu bomber tar-Russja fl-artijiet tas-Sirja u viċin il-fruntiera tat-Turkija. Putin, waqt il-konferenza, fisser l-inċident bħala azzjoni ostili u insista li r-Russja ma kinitx il-pajjiż li spiċċa jaħrab miċ-ċirkostanzi u li pprova jgħatti xturu.
Ir-Russja, fl-aħħar ġimgħat, imponiet is-sanzjonijiet fuq it-Turkija u Vladimir Putin, waqt il-konferenza, irrefera wkoll għat-Torok bħala ‘lagħqa’ tal-Amerikani. Il-Mexxej Russu spjega li t-Turkija ma ggwadanjat xejn mit-twaqqigħ tal-ajruplan u li r-Russja saħħet il-preżenza tagħha fis-Sirja, fejn stazzjonat il-missili għal kontra l-ajruplani.
Ir-Russja ilha l-aħħar ġimgħat twettaq offensiva tal-ajru fuq ir-ribelli u l-militanti fis-Sirja bħala appoġġ għall-President Sirjan Bashar al-Assad. L-intervent qanqal kritika kbira min-naħa tat-Turkija, l-Istati Uniti u l-pajjiżi Għarab tal-Golf.
Fl-istess ħin, Vladimir Putin sostna li r-Russja trid tiżviluppa r-relazzjonijiet mal-Istati Uniti, irrispettivament minn min jilħaq President. Putin irrefera għal Donald Trump, il-biljunarju u kandidat ewlieni biex jikkontesta f’isem il-Partit Repubblikan għall-Presidenza tal-Istati Uniti, bħala ‘persuna ta’ talent’ u ‘favorit assolut fit-tellieqa’.
Vladimir Putin jinsab għaddej bit-tielet mandat ta’ Presidenza mill-2000.
//= $special ?>