Studju ġdid li sar mill-Carnegie Mellon University sab li dieti veġetarjani u sani huma ta’ ħsara għall-ambjent. Tant hu hekk li l-istess studju sab li min jiekol il-ħass ikun qed jikkontribwixxi tliet darbiet iktar għall-emissjonijiet b’effetti serra (greenhouse gas) minn dawk li jieklu l-bacon.
Dan għaliex l-ammont ta’ riżorsi li hemm bżonn biex jiġi prodott ikel iktar san hu ferm iktar minn dak li hemm bżonn biex jiġi prodott il-laħam.
Il-Professur Paul Fischbeck kien ikkwotat jgħid li “ħafna mit-tipi ta’ ħaxix komuni li jintuża fis-salads jirrikjedi iktar riżorsi għal kull kalorija milli wieħed jaħseb.”
Fost l-oħrajn l-istudju sab li l-brunġiel, krafes u ħjar huma ħażina meta mqabbla mal-majjal jew tiġieġ.
Għall-kuntrarju riċentament l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissiet li laħam proċessat bħal bacon, zalzett u perżut jikkawża l-kanċer, b’50 gramma ta’ laħam proċessat kuljum – anqas minn żewġ slices bacon – kienu jżidu ċ-ċansijiet ta’ kanċer fl-istonku bi 18 fil-mija.
Il-WHO iżda insistiet li l-laħam kellu wkoll benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem u kien sors ta’ vitamini importanti.