Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea qed jiltaqgħu fi Brussell għall-aħħar summit tas-sena, imqassam fuq jumejn, fejn qed jitrattaw fuq kollox il-kriżi tal-immigrazzjoni u t-terroriżmu.
Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel u l-mexxejja ta’ seba’ pajjiżi oħra, aktar qabel, kellhom laqgħa speċjali mal-Prim Ministru Tork Ahmet Davutoglu. Dan meta qed tkun ikkunsidrata proposta biex ir-refuġjati fil-kampijiet tat-Turkija jingħataw residenza fissa fil-pajjiżi tal-Ewropa. Intant, xi pajjiżi tal-UE qed jirreżistu għall-pjan.
Meta wasal għas-summit ta’ Brussell, il-President ta’ Franza Francois Hollande qal li jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal qawwa b’saħħitha li tħares il-fruntiera. Intant, hu qal li l-Ewropa trid tirrispetta l-wiegħdiet li għamlet, b’mod partikolari rigward ir-refuġjati li jeħtieġu jkunu rilokati. L-aħħar pjan għal rilokazzjoni jesiġi biex il-pajjiżi tal-UE jaċċettaw ir-refuġjati Sirjani direttament mit-Turkija u taħt skema volontarja.
Din is-sena waslu numru rekord ta’ immigranti fl-Ewropa, bil-konsegwenza li numru ta’ Stati bnew il-ħitan u introduċew kontrolli mal-fruntiera, minkejja l-Ftehim ta’ Schengen li jesiġi għal Unjoni Ewropea ħielsa mill-fruntieri.
L-aġenda tas-summit, li jagħlaq għada, tinvolvi, fost oħrajn, analiżi ta’ kif kienu implimentati d-deċiżjonijiet fil-konfront tal-kriżi tal-immigranti. It-terroriżmu wkoll qed jingħata importanza kbira fuq l-aġenda, fejn qed ikunu diskussa l-kontrolli mal-fruntieri, ir-radikaliżmu, il-bdil ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni għal kontra l-aġir tal-militanti wara l-attakki terroristiċi tat-13 ta’ Novembru, f’Pariġi.
Is-summit se jiddiskuti wkoll pjani tal-Kummissjoni Ewropea biex titwaqqaf gwardja tal-kosta tal-Unjoni Ewropea u biex jissaħħu l-fruntieri esterni tal-Unjoni.
Kwistjoni oħra importanti tinvolvi l-isforzi tar-Renju Unit biex jerġa’ jinnegozja s-sħubija tiegħu fl-UE. Dan qabel il-Britanniċi jorganizzaw referendum, qabel l-2017, fejn iridu jagħżlu jekk jibqgħux fl-Unjoni Ewropea jew le.
Il-Kanċillier Merkel insistiet dwar l-importanza li jevitaw sitwazzjoni fejn ir-Renju Unit ma jiffurmax aktar parti mill-UE. Iżda Merkel qalet li hi mhix lesta ċċedi għad-domandi kollha tal-Prim Ministru Britanniku David Cameron rigward ir-riformi għall-Unjoni.
Il-Kap tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal li jridu ftehim xieraq mar-Renju Unit u li l-ftehim ikun xieraq ukoll għall-Istati membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Juncker, fl-istess ħin, tenna li ma jridx sitwazzjoni fejn l-Unjoni Ewropea tkompli mingħajr is-sehem tar-Renju Unit.
//= $special ?>