Lokali

“Universita'” li qatt ma kienet u lanqas biss se tkun

Il-Gvern qed joqtol il-motivazzjoni taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin

Minkejja li ilu minn qabel l-elezzjoni ġenerali jitkellem dwar it-tieni Universita’ ta’ Malta, issa ħareġ ċar li din it-tieni Universita’ la qatt eżistiet, la teżisti issa u qas biss se teżisti. Il-qerq fil-bejgħ tal-art lill-kumpanija mill-Ġordan ħareġ biċ-ċar aktar kmieni din il-ġimgħa, meta l-Gvern ma kellu ebda għażla oħra ħlief li jammetti li l-bejgħ tal-art lill-Ġordaniżi mhux veru se tkun qed tintuża biex tinbena Universita’, kif inganna l-Gvern għal dawn l-aħħar 7 xhur.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn numru ta’ uffiċjali tal-MŻPN, ġie spjegat kif iż-żgħażagħ jinsabu ddiżappuntati li l-Gvern, flok qed juri fiduċja fihom, qed joqtollhom kull motivazzjoni għaliex qed jinganna, issa anke bl-edukazzjoni tagħhom.

Mark Anthony Sammut sostna li kif ġie spjegat fil-Parlament, l-hekk imsejjħa ‘American University of Malta’ mhi universita’ xejn, iżda hija sempliċiment istituzzjoni għall-edukazzjoni għola, bħal bosta oħrajn li hawn f’pajjiżna. Hu sostna li f’dan il-bini mhu se jkun hemm xejn Amerikan, għaliex is-sid se jkun bniedem Ġordaniż li m’għandu ebda kredenzjali edukattivi, iżda biss esperjenza fit-turiżmu u l-kostruzzjoni.

Darren Carabott qal li dak li ġara din il-ġimgħa fil-Parlament huwa sintonimu tal-Gvern Laburista, jiġifieri li jħawwad u jgerfex bil-moħbi, għad-detriment tal-poplu Malti u Għawdxi. Hu qal li f’dan il-każ, marru minn taħt l-istudenti Maltin u Għawdxin kif ukoll il-lekċerers u kull min jaħdem fis-settur edukattiv. Dan għaliex biex jiġi akkomodat dan il-kuntrattur Ġordaniż, tbaxxew il-livelli tal-edukazzjoni f’pajjiżna, liema livelli tant kienu għolja li kienu jattiraw bosta studenti minn barra minn Malta.

Maria Portelli qalet li l-istandards ta’ dan il-Gvern huma baxxi wisq. Hi sostniet li Gvern serju, kieku veru ried Universita’ oħra, kien joħroġ sejħa għall-interess biex l-aqwa Universitajiet fid-dinja kienu jikkompetu bejniethom biex jiġu Malta. Madanakollu, dan il-Gvern għamel bil-kontra: ftiehem f’minuta ma’ kuntrattur li m’għandu x’jaqsam xejn mal-edukazzjoni u biegħlu tnejn mill-aqwa assets ta’ Malta, jiġifieri ż-Żonqor u l-Baċir Numru Wieħed.

Hi sostniet li waħda mill-aktar affarijiet inkwetanti f’dan kollu huwa l-ħabi, għaliex il-poplu Malti u Għawdxi kien qed jitħalla fl-għama ta’ dak kollu li kien qed jiġi nnegozjat fil-moħbi. Hi rringrazzjat lil kull min ħa sehem fil-kampanja kontra l-qerda tal-ambjent u t-tnaqqis fil-livell tal-edukazzjoni fosthom iż-żgħażagħ, il-Partit Nazzjonalista, l-akkademiċi, l-artisti, l-Viċi Sindku Laburisa ta’ Wied il-Għajn, id-Deputat Marlene Farrugia, l-għaqdiet ambjentali, l-kaċċaturi, l-bdiewa, l-Knisja, l-għaqdiet tal-istudenti, l-lekċerers, l-Kamra tal-Kummerċ, l-Għaqda ta’ Min Iħaddem, l-avukati kif ukoll il-Front Ħarsien ODZ li twaqqaf apposta biex jiġġieled kontra din id-deċiżjoni tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.