Qawwiet tal-Kurdi appoġġjati mill-ajruplani tal-koalizzjoni internazzjonali rnexxielhom irażżnu l-aktar attakk serju tal-ISIS fl-Iraq, għal dawn l-aħħar ħames xhur.
Dan wara li l-militanti tal-ISIS wettqu assalt ikkoordinat fuq diversi lokalitajiet qrib il-belt ta’ Mosul, lejn it-Tramuntana tal-pajjiż.
Uffiċjali tal-Istati Uniti qalu li mal-180 ġellieda tal-ISIS inqatlu mill-ajruplani tal-koalizzjoni, u waqt l-assalt li dam fuq jumejn. Il-militanti tal-ISIS kienu ilhom mil-lejl tal-Erbgħa jattakkaw pożizzjonijiet tal-qawwiet Iraqqin Kurdi tal-Peshmerga fejn użaw, fost oħrajn, diversi missili u bulldozers armati bl-iskop li jaqilgħuhom mill-inħawi.
Il-belt ewlenija ta’ Mosul ilha mis-sena l-oħra kontrollata mill-ISIS u l-assalt fuq il-Kurdi kienet, bla dubju, l-akbar offensiva ta’ dan il-grupp ta’ terroristi mis-sajf li għadda.
Intant, il-qawwiet Kurdi u l-qawwiet tal-koalizzjoni jidhru li rażżnu t-theddida. Dan meta l-ISIS, fost oħrajn, kienu qed jikkonċentraw attakki fuq l-inħawi ta’ Bashiqa, fejn il-qawwiet Torok, fl-aħħar jiem, kienu qed iħarrġu lill-Iraqqin Kurdi.
Sadanittant, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta riżoluzzjoni intiża biex jinqata’ l-finanzjament għall-ISIS. Il-Kunsill tas-Sigurtà qed iħeġġeġ lill-pajjiżi biex jieħdu azzjoni deċiżiva li trażżan is-sorsi tal-fondi għall-ISIS u fejn, fost oħrajn, jevitaw sitwazzjonijiet fejn l-ISIS jista’ jitraffika ż-żejt u l-antikitajiet ‘għall-miljuni’.
//= $special ?>