Internazzjonali

‘Ftehim għal restawr tar-relazzjonijiet’ bejn Iżrael u t-Turkija

Qed jingħad li Iżrael u t-Turkija laħqu ftehim preliminarju lejn ir-restawr tar-relazzjonijiet bilaterali. Dan sostnih uffiċjal Iżraeljan, għalkemm ma kien hemm l-ebda konferma uffiċjali minn xi naħa jew oħra.

Ir-relazzjonijiet bejn Iżrael u t-Turkija waqfu wara li l-qawwiet tal-baħar Iżraeljani, fl-2010, kienu wettqu rejd fuq flotilla li ppruvat tisfida l-imblokk Iżraeljan ta’ Gaza.

L-issikkar tar-restrizzjonijiet marittimi fuq Gaza, dak iż-żmien, kien intiż bħala miżura ta’ sigurtà kontra l-militanti tal-Hamas li jamministraw it-territorju inkwistjoni.

Intant, attivisti favur il-Palestinjani fuq bastiment tal-flotilla kienu ġġieldu mal-kommandos Iżraeljani li telgħu abbord, meta l-istess bastiment kien fl-ibħra internazzjonali, għexieren ta’ kilometri ‘il bogħod miz-zona fejn l-imblokk kien effettiv. Fl-azzjoni kienu nqatlu għaxar attivisti, b’numru ta’ kommandos jisfaw midruba.

Madankollu, issa qed jingħad li ntlaħaq ftehim waqt laqgħa bejn uffiċjali ewlenin ta’ Iżrael u t-Turkija, fl-Iżvizzera. Mhux eskluż li l-ftehim iwassal biex il-pajjiżi, mill-ġdid, jagħmlu skambju ta’ ambaxxaturi wara daqstant snin. Sorsi oħra indikaw li Iżrael jista’ anki jikkumpensa lill-familji tal-attivisti maqtula, bit-Turkija tirtira l-akkużi kollha kontra l-Iżraeljani.

Dan kollu għadu jistenna konferma uffiċjali, fost rapporti li jridu jibdew anki taħditiet dwar it-tqegħid ta’ pipeline tal-gass naturali li jwassal minn Iżrael għat-Turkija.