Il-Parlament Ewropew ilbieraħ ivvota kontra l-kiri tal-ġuf tal-mara waqt is-sessjoni plenarja fil-Parlament ta’ Strasburgu.
It-tliet MPE Nazzjonalisti vvutaw favur din il-kundanna. L-MPE Laburisti Maltin astjenew meta ttieħed il-vot dwar din il-klawżola li tikkundanna l-kiri tal-ġuf, li jdgħajjef id-dinjità tal-mara, għax il-ġisem tal-mara u l-funzjonijiet riproduttivi tagħha jservu bħala ‘oġġett’.
Dan il-vot kien parti biss mill-mozzjoni fir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija dinjija fl-2014, imressaq mill-MPE Rumen Cristian Dan Preda.
Il-PE vvota favur li l-kiri tal-ġuf m’għandux jibqa’ jsir għax “jinvolvi esplojtazzjoni riproduttiva u l-użu tal-ġisem tal-bniedem għall-profitt finanzjarju.”
Ir-rapport jitratta d-drittijiet tal-bniedem li għadda b’vot mill-Parlament Ewropew, huwa favur “aċċess faċli għall-kontraċettivi u abort sigur.”
Dwar ir-rapport, l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti vvutaw kontra, filwaqt li dawk Laburisti vvutaw favur. Dwar il-klawżola tal-abort, l-MEPs Laburisti Miriam Dalli u Marlene Mizzi vvutaw kontra, filwaqt li Dr Alfred Sant astjena.
//= $special ?>