Il-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron qal li pajjiżu, fl-2016, għandu jibdel ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea ‘b’mod fondamentali’. Hu sostna dan wara l-aħħar taħditiet intensivi li kellu matul is-summit li qed jikkonkludi llum fi Brussell.
Cameron, sadanittant, semma avvanzi importanti lejn ir-riformi li qed jistenna u li jridu jkunu preżentati lill-poplu tar-Renju Unit waqt referendum.
Il-Prim Ministru Britanniku, li ppreżenta r-riformi li jrid lill-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, qal li filwaqt li se jkun diffiċli biex jintlaħaq ftehim konkret sa Frar, hu xorta fiduċjuż li l-ftehim għandu jsir is-sena d-dieħla.
Cameron qed jinsisti għall-bidliet u riformi f’erba’ issues li jinkludu l-waqfien tal-benefiċċji għall-immigranti tal-Unjoni Ewropea fir-Renju Unit, fuq bażi ta’ erba’ snin.
Intant, David Cameron irid li jikkonkludi mill-aktar fis ftehim ġdid mal-Ewropa qabel iressaq id-domanda dwar l-isħubija fl-UE lill-poplu Britanniku li jrid jivvota dwarha f’referendum li jeħtieġ isir qabel l-2017. Madankollu Cameron spjega li jinħtieġ ħafna xogħol bejn issa u Frar, meta għandha ssir il-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ewropew.
Il-Prim Ministru Britanniku ma riedx jikkommetti ruħu dwar għajdut li qed isiru sforzi biex ir-referendum fir-Renju Unit isir f’Ġunju. Hu tenna li s-sustanza tan-negozjati huma aktar importanti miż-żmien, f’dawn iċ-ċirkostanzi.
Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel qalet li l-Mexxejja tal-UE kollha jridu kompromess, fost suġġerimenti li għandu jkun possibbli ftehim li jorbot legalment u li jista’ jwassal għall-bidliet fit-Trattat tal-UE aktar ‘il quddiem. Filwaqt li hi ottimista, Merkel wissiet li għalkemm il-bidliet fit-Trattat Ewropew jistgħu jkunu possibbli, żgur ħadd m’għandu jistenna riżultati immedjati.
Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk ukoll sostna li għalkemm xi Mexxejja Ewropej tennew xi punti ta’ tħassib huma, xorta waħda, lesti li jfittxu l-kompromessi.
Il-President ta’ Franza Francois Hollande qal li jistgħu jsiru l-bidliet skont kif qed jitlob Cameron iżda għamilha ċara – l-istess bħal mexxejja oħra tal-UE — li r-regoli u l-prinċipji fil-qafas tat-Trattat tal-UE (inkluż id-dritt tal-moviment ħieles) iridu jkunu rispettati.
//= $special ?>