Fl-isptar Monte Karmeli matul l-2014 intefqu €144,900 f’sahra fix-xahar, għal total ta’ €1.7 miljun.
L-Awditur Ġenerali, fir-Rapport ta’ Verifika Annwali tal-Finanzi Pubbliċi għall-2014, sostna li kien jaqbel iktar lill-isptar Monte Karmeli jħaddem impjegati ġodda miegħu milli jħallas is-sahra kif tħallset.
Il-kalkoli tal-Awditur Ġenerali saħanistra juru li kieku l-isptar impjega 23 infermier ġdid u 19-il nursing aide kienu jwasslu biex il-Gvern jiffranka €555,000 matul dik is-sena.
Bejn l-2010 u l-2012, is-sahra mħallsa f’Monte Karmeli kienet tvarja minn €1.12 miljun sa €1.28 miljun. Fl-2013, din telgħet għal €1.38 miljun u fl-2014 għal €1.74 miljun.
Fir-rapport jissemma’ każ ta’ nursing aide partikolari li tħallas €21,184 għal 1,731 siegħa ta’ sahra. Fl-istess ħin, l-istess “nursing aide” akkumola 1,389 siegħa ta’ Time Off In Lieu, li huma stmati b’valur ta’ €10,805, waqt li uża t-time off f’31 okkażjoni minflok ħadem is-sigħat tiegħu fir-roster.
L-Awditur Ġenerali kkummenta wkoll dwar il-ħlas ta’ allowances, b’mod partikolari lil Higher Specialist Trainee li fl-2014 tħallas €81,450 u ħadem numru ta’ ġranet b’mod konsekuttiv tant li f’okkażjoni minnhom ħadem 102 siegħa mingħajr waqfien. Dan fisser li bl-allowances li tħallas, dan it-tabib qala’ tliet darbiet iktar mill-paga bażika tiegħu ta’ €25,846.
//= $special ?>
