Il-karru li soltu naraw lil renni jiġbdu u fuqu Father Christmas, mimli rigali, spiċċa kellu jinġibed mill-Pulizija wara li ġralu l-ħsara f’attività li kienet qed issir għal tifla marida b’marda terminali.
Il-każ seħħ f’Wigan, fir-Renju Unit, meta l-vettura, li hi kkunsidrata l-unika waħda legali li tista’ tinstaq fit-triq, għal xi raġuni waqfet.
Whitney u Jonathan Morris, il-ġenituri taċ-ċkejkna Amelia ta’ sentejn, kienu qed jippruvaw jagħmlu sorpriża lil binthom, li ssofri minn marda ġenetika li hi rari u li sfortunatament, ingħatat biss ftit xhur ħajja.
Riedu jwasslulha l-Milied kmieni biex tgawdih kemm tista’ u numru ta’ sewwieqa ta’ karozzi Beetle ftiehmu biex ilibbsu dawl tal-Milied lill-karozzi tagħhom u jgħaddu minn quddiem it-tieqa tad-dar tal-familja Morris. Magħhom kellu jingħaqad Father Christmas…sakemm il-vettura tiegħu waqfet għal kollox.
L-entużjasti tal-Beetle għamlu minn kollox biex jippruvaw jerġgħu jqabbdu s-sleigh ta’ Father Christmas imma uffiċjal tal-Pulizija kellu jispiċċa jagħti d-daqqa t’id. Fl-aħħar, iddeċidew li jimbuttaw il-vettura, bit-tifla tidħaq abbord flimkien ma’ ommha.
Omm iċ-ċkejkna qalet li t-tifla kienet ferħana mmens bl-esperjenza u daħqet ħafna. Qalet li hi u żewġha baqgħu mpressjonati bl-għajnuna li taw id-dilettanti tal-karozzi Beetle biex jorganizzawlha ġurnata mill-iktar speċjali. Anke vann klassiku tal-VW spiċċa nbidel f’għar tradizzjonali tal-Milied.
//= $special ?>