Raġel ta’ 53 sena minn Ħaż-Żabbar tilef ħajtu wara li waqa’ bil-gaffa b’kollox f’għadira tajn u żrar f’barriera magħrfa bħala ‘Ta’ Tlata’, immexxija mill-kumpanija Tlata Ltd, u li tinsab fiż-żona ta’ Santa Katarina fil-limiti tar-Rabat.
Il-gaffa waqgħet f’post fejn il-ħaddiema tal-barriera jaħslu ż-żrar mir-ramel. Dan il-proċess isir f’żona imdawwra minn ħajt ta’ trab bl-għan li l-ilma jinżamm fin-naħa ta’ ġewwa.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3 ta’ waranofsinhar u l-ħidma biex ir-raġel jinħareġ mill-gaffa u jittella’ ħadet ħin twil minħabba l-fond ta’ din l-għadira. Filfatt, il-gaffa waqgħet għal tulha fl-għadira u spiċċat kważi kollha mgħarrqa bir-raġel maqbud fil-kabina.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili ma setgħu jagħmlu xejn ħlief jistennew lill-ħaddiema l-oħra tal-barriera, biex b’gaffa oħra jippruvaw l-ewwel itellgħu il-gaffa, iżda meta dan ma kienx possibbli, iċaqalquha. Il-proċess ħa fit-tul anke’ minħabba li qabel setgħet tinkixef il-gaffa kellu jitnaqqas il-volum ta’ ilma, tajn u żrar f’din l-għadira bl-użu tal-gaffa l-oħra
Hekk kif ġisem ir-raġel beda jidher, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili rabtuh minn saqajh u ħarġuh mill-kabina. Sfortunatament, ir-raġel kien diġa miet fgat u ambulanza li kien hemm fil-post kellha titlaq vojta.
Fuq il-post kien hemm ukoll tliet vetturi tat-tifi tan-nar, numru kbir ta’ membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll uffiċjali tal-Pulizija.
Dwar il-każ qed issir inkjesta Maġisterjali, bil-Maġistrat Audrey Demicoli taħtar diversi esperti biex jassistuha.
//= $special ?>