Il-Front Ħarsien ODZ esprima s-sodisfazzjon għad-dikjarazzjoni tal-Kap tal-PN Simon Busuttil li l-Partit Nazzjonalista m’għadux marbut bi ftehim pre-elettorali mas-sidien tal-boathouses li nbnew fuq art pubblika fl-Armier.
Fi stqarrija, il-Front qal li ftehim li għamlu ż-żewġ partiti mas-sidien tal-kmamar illegali tul is-snin jirrappreżentaw kapitlu ikrah fl-istorja politika ta’ pajjiżna li ra l-partiti l-kbar isiru kompliċi mas-serq tal-art pubblika.
Il-Front qal li filwaqt li d-deċiżjoni tal-PN hu l-ewwel pass għal soluzzjoni dejjiema, fl-istess waqt hija tal-mistħija li l-Partit Laburista għadu marbut bi ftehim li ffirma qabel l-elezzjoni tal-2013 li permezz tiegħu wiegħed li l-villaġġ illegali jerġa’ jinbena minn kumpanija li tirrappreżenta s-sidien tal-kmamar illegali.
L-istqarrija ttemm li jeħtieġ konsensus nazzjonali ibbażat fuq ftehim bejn it-tliet partiti, u s-soċjeta’ ċivili li permess tiegħu l-art tingħata lura lill-pubbliku u tiġi riabilitata bħala spazju miftuħ u pubbliku li jista’ jitgawda minn kulħadd.
B’hekk, l-ebda partit ma jkun jista’ jagħmel kapital politiku billi jappoġġja l-pretensjonijiet tas-sidien tal-kmamar illegali
//= $special ?>