Lokali

Il-Gvern mhux qed jagħti każ ta’ setturi tal-ekonomija li qed jaqgħu lura fosthom il-manifattura

Għalkemm il-pajjiż qed jgħaddi minn żmien ta’ tkabbir ekonomiku, li qed jibni fuq is-suċċessi ta’ snin passati, l-Oppożizzjoni se tibqa’ tiġbed l-attenzjoni – bħalma qed jagħmlu diversi korpi kostitwiti, opinjonisti u anki politiċi ta’ fehma Laburista – dwar setturi li qed imorru lura, fosthom dak tal-manifattura li fuqhom jiddependu għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiem f’pajjiżna.

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Finanzi, il-Viċi Kap tal-PN Mario De Marco, qal li l-Gvern qed jehda bin-numri u qed jinjora r-realta’ ta’ numru kbir ta’ familji Maltin u Għawdxin.

L-istqarrija tirreferi għaċ-ċifri maħruġa mill-Eurostat u li minn dawn, il-Gvern qed jaħbi tliet fatti importanti:
L-ewwel, iż-żieda fil-pagi f’pajjiżna fit-tielet kwart ta’ din is-sena kienet ta’ 1.4%, inqas minn dik tal-bqija tal-UE fejn il-pagi żdiedu b’1.8%.

It-Tieni, ir-ritmu li bih kienu jiżdiedu l-pagi naqas b’70% kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern
It-Tielet, li ż-żieda fil-paga medja hi xprunata minn setturi bħas-servizzi finanzjarji u l-gaming filwaqt li setturi oħrajn kruċjali bħall-kostruzzjoni, propjeta’, lukandi u ristoranti u diversi setturi professjonali oħra fosthom l-informatiku, qed jirreġistraw tnaqqis fil-pagi.

Iċ-Ċifri tal-Eurostat, tkompli l-istqarrija, tikkonferma propju dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni, li l-ekonomija żammet ritmu ekonomiku tajjeb li madanakollu mhux igawdi minnu kulħadd.

Sitwazzjoni, li f’kuntest fejn il-Gvern żied għadd ta’ taxxi, fosthom il-liċenzji tal-karozzi, l-eżamijiet tal-istudenti u għadd ta’ miżati oħra. Dan filwaqt li jkompli jżomm fost l-ogħla prezzijiet ta’ petrol u diesel fl-Ewropa.

Filwaqt li l-Gvern ikompli jipprova jserraħ moħħ in-nies b’analiżi superfiċjali tal-istatistika, l-Oppożizzjoni tingħaqad mad-diversi korpi kostitwiti biex tingħata l-attenzjoni sierqa lis-setturi kollha tal-ekonomija biex mill-ġid li qed jinħoloq, igawdi tassew kulħadd.