Il-poplu Malti hu fost l-iktar popli ħoxnin, għażżenin u dipendenti fuq l-użu tal-karozza fid-dinja. Minħabba n-nuqqas ta’ eżerċizzju u stil ġenerali ta’ ħajja li ma jgħinx is-saħħa qed iwasslu għal żieda qawwija f’mard u kumplikazzjonijiet li jistgħu jiġu evitati fosthom il-mard assoċjat mal-obeżita, il-mard tal-qalb, id-dijabete u anki d-dimensja.
Dawn kienu wħud mill-konklużjonijiet ta’ rapport dwar azzjoni biex issir prevenzjoni tad-dijabete, l-obeżita’, mard tal-qalb u dimensja ippublikat mit-think tank, Today Public Policy Institute.
Fl-introduzzjoni tiegħu, iċ-Chairman tat-think tank Martin Scicluna elenka l-ispiża f’servizzi tas-saħħa biex tfejjaq jew tikkontrolla dawn il-kundizzjonijiet. L-ispiża tal-obeżita’ hi stmata li tkun bejn 27 u 35 miljun ewro sa ħames snin oħra, madwar 63 miljun ewro biex tittratta d-dimensja u madwar 60 miljun ewro oħra fi trattamenti għad-dijabete.
Bidla fl-istil ta’ ħajja permezz ta’ ftit eżerċizzju u bidla fid-dieta fuq livell nazzjonali tista’ twassal biex is-servizzi tas-saħħa jiffrankaw bejn 40 u 60 miljun ewro kull sena.
It-Tabib George Debono, l-awtur ewlieni ta’ dan ir-rapport, tenna li l-eżerċizzju hu l-katina li tista’ tevita diversi mard u kumplikazzjonijiet.
George Debono kompla li minbarra l-eżerċizzju, li wieħed iżomm mentalment attiv, bħal per eżempju l-istudju u attivitajiet oħrajn li jistimolaw il-moħħ u l-ħsieb, jgħinu biex tbiegħed il-bidu tad-dimensja.
Filwaqt li m’hemm xejn li jipprevjeni id-dimensja. L-istimoli mentali iwasslu biex l-effetti tad-dimensja idumu ferm biex jibdew jinħassu meta mqabbla ma’ min żammx ruħu mentalment attiv.
George Debono qal li r-rapport qed iqajjem l-argument ekonomiku favur il-prevenzjoni għaliex biex il-prevenzjoni tkun effettiva, jeħtieġ programm nazzjonali f’diversi oqsma – fl-ambjent, fl-isport, fil-promozzjoni għal ikel iktar bnin fost oħrajn. U li din l-istrateġija nazzjonali, għalkemm se tfisser spiża kbira, se tfisser ukoll poplu iktar b’saħħtu u miljuni kbar ta’ flus iffrankati mis-servizz tas-saħħa.
Fost il-fatturi ewlenin li qed joħolqu problema hu l-ambjent urban u it-trasport. F’dan tal-aħħar, il-Maltin qed jimxu inqas, jużaw it-trasport pubbliku u inqas u għandhom dipendenza kważi sħiħa fuq l-użu tal-karozza. Dan hu simili għax-xejra fl-Istati Uniti, fejn ukoll għandhom problema ta’ obeżita u kontra x-xejra ewropea, fejn in-nies jimxu, jużaw ir-rota, jew jużaw it-trasport pubbliku. Dan ir-rapport tqassam lil diversi membri tas-soċjeta’ ċivili, fosthom id-Deputati fil-Parlament. Jakkumpanja r-rapport hemm sitt supplimenti mediċi u tekniċi li se jitqassmu lit-tobba kollha f’Malta u Għawdex.
//= $special ?>