Talanqas 18 il-immigrant tilfu ħajjithom meta d-dgħajsa li kienu qed jivvjaġġaw biha għerqet fil-Baħar Eġew. L-istampa tat-Turkija rrappurtat li t-traġedja seħħet meta l-immigranti kienu qed javviċinaw il-gżira Griega ta’ Kalymnos, tard fil-lejl tal-Ġimgħa.
Ir-rapporti qalu li 14 il-persuna, fosthom Sirjani, Iraqqin u Pakistani, salvaw fiċ-ċirkostanzi diffiċli u fejn membri tal-gwardjani tal-kosta Torok tellgħuhom mill-baħar.
Dawn l-immigranti ttieħdu l-isptar fejn kienu ddikjarati f’kundizzjoni serja. Mifhum li numru ta’ immigranti qegħdin ibatu mill-effetti ta’ hypothermia.
L-indikazzjonijiet huma li l-immigranti kienu telqu, b’dgħajsa antika, mir-resort ta’ Bodrum, b’din id-dgħajsa tinqaleb fil-baħar ladarba ħarġet sa żewġ mili nawtiċi ‘il hinn mill-kosta tat-Turkija.
Hu kkalkulat li, f’dawn ix-xhur, madwar 500 immigrant – fil-parti kbira tfal – tilfu ħajjithom huma u jippruvaw jaqsmu l-Baħar Eġew lejn l-Ewropa.
//= $special ?>