Internazzjonali

L-Istati Uniti akkużata bi provokazzjoni militari

Iċ-Ċina akkużat lill-Istati Uniti dwar ‘provokazzjoni militari serja’, wara li ajruplani Amerikani għaddew qrib waħda mill-Gżejjer ta’ Spratly fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar.

Il-militar taċ-Ċina kien ħareġ fuq allert waqt l-inċident li seħħ fl-10 ta’ Diċembru li għadda, fejn xi bombers tat-tip B-52 taru viċin gżira fiz-zona polemikuża.

Ir-rapporti qalu li l-ajruplani Amerikani ngħataw twissija biex joħorġu mill-inħawi, bil-Pentagon ta’ Washington jgħid li qiegħed jinvestiga l-ilmenti taċ-Ċiniżi.

Iċ-Ċina qed tinsisti dwar id-drittijiet tagħha fuq zoni sħaħ tal-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar. Sadanittant ilha għaddejja x-xhur tilwima bejn Beijing u l-ġirien tar-reġjun dwar kwistjonijiet ta’ territorju.

Il-Ministeru tad-Difiża Ċiniż, illum, ħareġ stqarrija fejn akkuża lill-Istati Uniti talli ‘rranka t-tensjoni bi skop’, permezz tat-titjira tal-bombers fir-reġjun tal-Gżejjer Spratly li ċ-Ċiniżi jirreferu għalihom bħala ‘Nansha’.