Talanqas disa’ suldati Iraqqin inqatlu bi żball waqt attakk mill-qawwiet tal-ajru tal-koalizzjoni li qed tmexxi l-Istati Uniti fuq miri tal-ISIS fl-Iraq.
Dan ikkonfermah il-Ministeru tad-Difiża Iraqi, wara l-intervent mill-qawwiet tal-koalizzjoni li kienu qed jappoġġjaw l-avvanzi tat-truppi tal-Iraq qrib Fallujah. Hemm, intant, il-possibbiltà li l-ajruplani tal-gwerra ma kkalkulawx safejn kienu laħqu avvanzaw il-militar Iraqqin.
Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Ash Carter, ikkuntattja lill-Prim Ministru Iraqi, Haider al-Abadi, biex jesprimi l-kondoljanzji għall-inċident. Carter tenna d-dispjaċir tiegħu għall-inċident li qal kellu jseħħ ‘minkejja l-koordinazzjoni bejn il-koalizzjoni u l-qawwiet tas-sigurtà tal-Iraq’.
Il-qawwiet tal-Iraq, bħalissa, qegħdin jikkumbattu lill-militanti tal-ISIS fil-provinċja ta’ Anbar. Sadanittant, il-qawwiet tal-ajru tal-koalizzjoni wettqu numru ta’ attakki biex jippermettu għall-avvanzi tas-suldati Iraqqin ħalli jilħqu z-zoni kkontrollati mill-ISIS u jikkonfrontaw direttament lit-terroristi.
//= $special ?>