It-tifla ta’ Bertu Pace, eks membru parlamentari f’isem il-Partit Laburista, ingħatat permess mill-MEPA biex tibni villa f’post fejn bħalissa hemm biss garaxx, fuq art agrikola fertili u barra miż-żona tal-iżvilupp.
Bertu Pace riċentament inħatar ukoll bħala konsulent għals-Segretarjat Parlamentari responsabbli wkoll mill-agrikoltura mmexxi minn Roderick Galdes.
B’dan il-permess, garaxx ta’ 25 metru kwadru se jitwaqqa biex minfloku tinbena villa kbira iktar minn 11-il darba daqs dan il-garaxx fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Sant Andrija fis-Siġġiewi.
Il-propjeta’ se jkollha partijiet estensivi li se jiġu pavimentati u tinkludi wkoll daħla għall-vetturi u tliet entraturi.
Għal dan l-iżvilupp, li l-arkitett fl-applikazzjoni hu l-Membru Parlamentari Charles Buhagiar, kien hemm oġġezzjonijiet mill-kumitat dwar il-Patrimonju Nazzjonali, il-kumitat tal-ambjent u l-uffiċjal tal-MEPA inkarigat mill-każ li rrakkomanda li l-permess ikun rifjutat.
Madankollu seħħ bil-kontra u l-permess ħareġ minħabba li l-MEPA ġġustifikatu għax skont hi l-villa se tieħu post razzett li m’għadux jintuża.
Dan għaliex l-eks sid tal-propjeta’ kien iddikjara b’ġurament li l-post kien jintuża bħala razzett tat-tjur bejn l-1988 u s-sena 2000 minkejja li l-propjeta’ m’għandiex ventilazzjoni u mhix adattata għal dan l-iskop.
Madankollu din id-dikjarazzjoni ma kinitx inkluża fil-lista ta’ dokumenti pubbliċi dwar dan il-każ minkejja li l-iżvilupp ġie aċċettat abbażi tagħha. Saħansitra Charles Buhagiar, meta kkuntattjat mit- Times of Malta qal li kien is-Segretarjat Parlamentari ta’ Roderick Galdes li fl-aħħar ħin ikkonferma li l-post kien jintuża bħala razzett.
L-uffiċjal inkarigat mill-każ qal ukoll li din id-dikjarazzjoni ma setgħetx tkun kunsidrata valida għaliex il-firem u t-timbru ma sarux kif stipulat minn nutar.
Dan filwaqt li l-permess tal-MEPA għall-binja eżistenti kien għal garaxx, u mhux razzett, u saħansitra nħareġ għal żona differenti.
//= $special ?>