F’messaġġ li wassal waqt l-attività ‘Milied Flimkien’, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil esprima solidarjetà ma’ kull min bħalissa għaddej minn żmien diffiċli.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qed jindirizza l-attività Milied Flimkien, li kienet indirizzata wkoll mill-President ta’ Malta, mill-Prim Ministru u mill-Arċisqof.
Fost l-oħrajn, il-Kap tal-Oppożizzjoni sellem lill-ħaddiem ta’ 53 sena minn Ħaż-Żabbar li tilef ħajtu f’inċident f’barriera fir-Rabat. Sellem ukoll lil dawk kollha li għaddejjin minn inċertezza fuq il-post tax-xogħol, fosthom it-300 ħaddiem tad-De La Rue li ngħataw l-aħbar li se jitkeċċew.
Fl-indirizz tiegħu Simon Busuttil qal li qed iwassal messaġġ ta’ għaqda nazzjonali iżda wkoll ta’ solidarjetà ma’ dawk li ma jistgħux igawdu l-Milied peress li għaddejjin minn żmien diffiċli.
Dwar l-għaqda, Simon Busuttil tenna li għall-Oppożizzjoni, il-President tar-Repubblika tirrappreżenta l-għaqda fil-pajjiż u għaldaqstant feraħ lill-President għax-xogħol ta’ fejda u ta’ għaqda li twettaq f’pajjiżna.
Hu fakkar fid-diskors li għamlet il-President Marie-Louise Coleiro Preca fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika li fih wasslet messaġġ ta’ għaqda.
Messaġġ simili dwar is-solidarjetà twassal ukoll mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, li qalet li f’dan iż-żmien għandna niftakru f’dawk kollha li jinsabu weħidhom. Saħqet li l-Milied m’għandux ikun speċjali minħabba r-rigali li nirċievu, iżda kemm inkunu eqreb lejn xulxin.
Fakkret f’dawk il-pajjiżi li huwa mifnija bil-gwerra, bħall-Palestina u s-Sirja, u żiedet li f’dan iż-żmien il-ħsibijiet tagħna għandhom imorru wkoll fihom.
Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles J Scicluna qal li l-Milied ikun verament sabiħ jekk wieħed tabilħaqq jiskopri s-sinjifikat veru tiegħu.
Hu awgura li hekk kif il-Knisja qed tiċċelebra s-Sena Ġubilarja tal-Ħniena, il-Milied ikun esperjenza sabiħa ta’ ħniena li għandna naqsmu ma’ xulxin. Hawnekk, l-Arċisqof qal li għandna naħfru lil xulxin u li jkollna kliem ta’ rispett, ħlewwa u ta’ maħfra.
L-Arċisqof irrefera wkoll għal dawk il-persuni li għaddejjin minn mumenti ta’ solitudni, bħal ċertu anzjani u morda filwaqt li ħeġġeġ biex il-messaġġ ta’ imħabba li twassal it-tarbija tal-Milied ma jintesa qatt.
Il-messaġġ ta’ għaqda twassal ukoll mill-Prim Ministru Joseph Muscat li rrefera għall-persuni b’diżabilità u għal dawk li jinsabu f’nofs il-gwerrer fis-Sirja u l-Libja. Muscat awgura li n-nies f’dawn il-pajjiżi jibdew igawdu minn żmien ta’ paċi wara sinjali fit-triq it-tajba li ntwerew fil-jiem li għaddew.
//= $special ?>