Il-Mexxejja tad-dinja qed jittamaw li s-Sirja tasal tassew f’sitwazzjoni fejn tista’ tagħmel għażla ċara bejm il-paċi u l-gwerra. Dan wara li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għadda, unanimament, riżoluzzjoni li tfassal programm għal taħditiet formali bil-ħsieb li jitwaqqaf Gvern Sirjan għall-għaqda fi żmien sitt xhur.
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry fisser il-pjan tan-NU bħala tragward storiku fl-impenn biex jintemm il-konflitt li ilu għaddej għal aktar minn erba’ snin fis-Sirja. Madankollu, ir-riżoluzzjoni li għaddiet fi New York, fl-Istati Uniti, ma ssemmix ir-rwol futur li jista’ jkollu l-President Sirjan Bashar al-Assad.
Filwaqt li l-Istati Uniti u l-pajjiżi tal-Punent iridu li Assad iwarrab, ir-Russja u ċ-Ċina jinsistu li hu m’għandux ikun imġiegħel jirriżenja bħala kundizzjoni għal taħditiet ta’ paċi. Min-naħa tiegħu, John Kerry qal li Assad tilef il-kapaċità li jgħaqqad lis-Sirjani għalkemm, fl-istess ħin, jammetti li l-potenzi jkunu qed itawwlu l-gwerra fis-Sirja f’każ li jinsistu biex Assad iwarrab mill-poter minnufih.
Sadanittant, għalkemm il-pajjiżi Għarab u tal-Punent jaċċettaw li Assad jista’ jkun parti minn proċess ta’ tranżizzjoni fis-Sirja, huma jinsistu li hu m’għandux jibqa’ bil-poter ladarba l-proċess jiġi konkluż.
Ir-riżoluzzjoni qed taħseb għal taħditiet, kmieni f’Jannar, bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni tas-Sirja.
L-istess riżoluzzjoni tinsisti għal waqfien mill-ġlied u djalogu formali, mix-xahar id-dieħel, għal tranżizzjoni politika fis-Sirja. Il-gruppi meqjusa bħala ‘terroristi’ huma esklużi mit-taħditiet, filwaqt li għandhom ikomplu l-azzjonijiet militari (mir-Russja u l-koalizzjoni li qed tmexxi l-Istati Uniti) kontra gruppi bħall-ISIS fit-territorji Sirjani.
Filwaqt li l-pjan jesiġi biex is-Sirja jkollha ‘amministrazzjoni kredibbli u inklussiva’ fi żmien sitt xhur, il-komunità internazzjonali tittama li jsiru ‘elezzjonijiet ħielsa u xierqa, fis-Sirja, taħt is-superviżjoni tan-NU, sa sena u nofs oħra’. L-enfasi, hawnhekk, hi fuq sitwazzjoni fejn il-poplu Sirjan jista’ jiddeċiedi l-futur ta’ pajjiżu.
//= $special ?>