Lokali

Il-ġurnalisti tal-PBS jallegaw diskriminazzjoni fil-pagi

Seba’ ġurnalisti tal-PBS li ħafna minnhom ilhom hemm is-snin qed jallegaw li ċertu Rachel Baldacchino li daħlet fil-kamra tal-aħbarijiet fil-bidu ta’ din is-sena għandha salarju ta’ bejn elf u tmint elef ewro aktar minnhom. U dan minkejja li tagħmel l-istess xogħol bħalhom u m’għandha l-ebda esperjenza fil-ġurnaliżmu.

Il-gazzetta The Malta Independent on Sunday żvelat li fil-kawża li ressqu quddiem it-tribunal industrijali, il-ġurnalisti qed jilmentaw li Rachel Baldacchino qed tirċievi salarju bażiku ta’ €22,600 li mill-1 ta’ Jannar li ġej se jiżdied għal €23,300.

Dan filwaqt li l-ġurnalisti l-oħrajn għandhom salarju ta’ bejn ħmistax u għoxrin elf ewro skont is-snin li ilhom jaħmu l-PBS.

Hu mifhum li l-ġurnalista l-ġdida ma ddaħlitx fil-kariga ta’ ġurnalista iżda fil-21 ta’ Jannar 2015 inħarġet sejħa għal kariga ġdida ta’ Uffiċjal Amministrativ fl-online fi grad ogħla minn dak tal-ġurnalisti. Aktar minn hekk ma bdietx mill-ewwel skala tas-salarji maqbula fil-ftehiim kollettiv, iżda waħda mill-ogħla waħda.

Rachel Baldacchino għandha press card tad-Dipartiment tal-Informazzjoni u f’Novembru li għadda marret l-Alġerija tirrapporta għall-PBS żjara tal-Prim Ministru.

Quddiem it-Tribunal, il-ġurnalisti qed jitolbu li ladarba l-persuna tagħmel l-istess xogħol bħalhom, u mhux ta’ uffiċjal amministrattiv, it-tmexxija tal-PBS hi obbligata li tgħolli s-salarji tagħhom biex ikunu l-istess bħal tas-Snjorina Baldacchino. Dan filwaqt li jitħallsu l-arretrati minn meta l-persuna daħlet taħdem fuq bazi indefinita kmieni din is-sena.

Fi żvilupp li tfisser bħala paniku u lejlet li l-ġurnalisti tal-PBS bdew azzjoni legali kontra l-PBS, ġew mgħarfa li mill-1 ta’ Novembru l-kariga tagħhom inbidlet minn dik ta’ ġurnalisti/edituri għal ‘video journalists’ li tfisser żieda annwali ta’ €350 fis-sena, ferm inqas mis-salarju li qed tirċievi l-ġurnalista l-ġdida.

Il-ġurnalisti li qed jallegaw diskriminazzjoni kienu ilhom mill-bidu ta’ Ottubru jippruvaw isolvu l-kwistjoni mat-tmexxija tal-PBS, iżda dawn it-taħditiet ma wasslu mkien u bl-għajnuna tal-Avukati Matthew Brincat u Stefano Filletti bdew proċeduri l-Qorti.

Nifhmu li fid-diskussjonijiet bejn il-partijiet kien hemm preżenti wkoll iċ-Chairman tal-PBS Tonio Portughese li għal xi snin serva wkoll bħala Chairman tat-Tribunal Industrijali.