Storja fil-gazzetta Il-Mument illum żvelat kif Pierre Baldacchino, il-General Manager tal-Isptar St. James fi Tripli li jinsab maħtuf fil-Libja għandu tattoo fil-forma ta’ salib fuq dahru. Dan qiegħed iħasseb lis-Servizz Sigriet Malti, li għad ma għandhomx ħjiel minn seta’ ħataf lil Pierre Baldacchino u x’inhu l-iskop wara dan il-ħtif.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu lil Il-Mument li dan hu każ ieħor diffiċli li qiegħed ikun koordinat minn persuna b’esperjenza kbira tal-Libja. Hu wkoll l-istess uffiċjal li bejn Settembru u Ottubru li għadda ħadem biex inġieb Malta Noel Sciberras wara 47 jum maħtuf.
Madankollu, aspett pożittiv hu li Pierre Baldacchino ilu bosta snin ġej u sejjer il-Libja, u għaldaqstant għandu diversi kuntatti. Darba dawn huma identifikati, l-ħidma biex ikun lokalizzat tista’ ssir b’mod aktar effettiv. Iżda waħda mill-biżgħat hi li fil-Libja hemm diversi fazzjonijiet u organizzazzjonijiet ta’ kriminali u oħrajn terroristiċi.
Is-sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument fissru li mill-investigazzjonijiet li saru tul din il-ġimgħa rriżultalhom li Pierre Badacchino qatt ma emmen li seta’ jispiċċa fil-mira ta’ xi grupp kriminali għaliex fi Tripli kien maħbub ħafna u dejjem ta servizzi lil kulmin irrikorra fl-Isptar.
Is-sorsi ċaħdu rapporti li dehru fil-medja Libjana li b’xi mod Pierre Baldacchino seta’ nħataf biex idewwi lil xi feruti li jinsabu f’xi post għall-kura. Pierre Baldacchino fl-Isptar St. James kien biss Direttur Maniġerjali u ma kellu x’jaqsam xejn ma’ kura jew għoti ta’ xi servizz mediku.
L-uniċi xhieda f’dan il-ħtif huma ż-żewġ persuni barranin, x’aktarx ta’ nazzjonalità Pakistana, li kienu ma’ Baldacchino fil-karozza fil-mument tal-ħtif. Dawn taw il-verżjoni tagħhom lill-Pulizija ta’ Tripli u rrakkontaw kif għal ftit tal-ħin huma kienu wkoll maħtufa mill-istess kriminali.
Jirriżulta li dawk li ħatfu lill-Malti, riedu speċifikament jaħtfu lilu billi stennew lil Baldacchino joħroġ mill-Isptar wara ġurnata xogħol u hekk il-kriminali setgħu jinterċettaw il-karozza. Il-Malti tpoġġietlu arma tan-nar ma’ rasu u kien sfurzat biex joħroġ mill-karozza u jirkeb karozza oħra fejn kien mgħammad u b’veloċità l-kriminali ħarbu mill-post.
Diplomatiċi Maltin u membri tas-Servizz Sigriet Malti qed jippruvaw jistabbilixxu wkoll jekk min ħataf lil Pierre Baldacchino għandux xi rabtiet mal-grupp ta’ kriminali li fil-bidu ta’ Settembru kien ħataf lil Noel Sciberras li mbagħad kien inħeles waqt rejd minn membri tal-Milizja Radda li tgawdi stima kbira fi Tripli.
Il-Gvern Malti ripetutament ħareġ twissijiet biex Maltin, għall-ebda raġuni ma jmorru l-Libja minħabba li s-sitwazzjoni ma hix stabbli u ma toffrix serħan il-moħħ.
Membri tas-Servizz Sigriet Malti għamlu kuntatt mat-tmexxija tal-kumpanija St. James u, fost l-oħrajn, ried jistabbilixxu jekk Pierre Baldacchino kienx qiegħed imur il-Libja fuq insistenza tiegħu jew fuq direttivi tal-kumpanija. Il-ħaddiema tal-Isptar St. James fi Tripli kienu xxukkjati b’dak li ġara lil Baldacchino.
Il-ħtif fi Tripli ta’ Pierre Baldacchino hu t-tielet wieħed ta’ ħaddiema Maltin fl-aħħar sena u nofs fil-Libja. L-ewwel każ kien ta’ Martin Galea nħataf fi Tripli fis-17 ta’ Lulju tal-2014. Hu kien inżamm għaxart ijiem f’ċella fejn kien mhedded, sparaw tiri lejh u tħalla diversi jiem bla ikel. It-tieni ħtif kien ta’ Noel Sciberras li nħataf fil-bidu ta’ Settembru li għadda. Għall-ħelsien tiegħu l-kriminali kienu talbu rahan ta’ €5 miljun.
//= $special ?>

