Il-Partit Nazzjonalista qed jagħti vuċi lin-nies, qed iqum għan-nies u jitkellem f’isimhom. Dan, il-Partit Nazzjonalista qed jagħmlu emm fil-Parlament kif ukoll barra. Fuq in-naħa l-oħra, n-nies għandhom Gvern li qed taqa’ l-maskra tiegħu u joħroġ l-ingann kbir fil-mod ta’ kif qed imexxi. Bid-deċiżjonijiet li qed jieħu, l-Partit Nazzjonalista mhux biss ikkonferma li hu Oppożizzjoni b’saħħitha u effettiva, imma issa qed juri li hu Gvern alternattiv.
Fi tmiem ġimgħa li rat dibattitu Parlamentari ta’ aktar minn 14-il siegħa dwar l-għoti ta’ art verġni lil kuntrattur Ġordaniż, Simon Busuttil qal li l-verita’ ħadet tifsira differenti taħt dan il-Gvern, u dan peress li minkejja li dan il-proġett la hu Universita’ u qas Amerikan, il-Prim Ministru u d-Deputati Laburisti l-oħrajn baqgħu jwebbsu rashom u jirreferu għalih bħala Universita’. Dan minkejja li l-verita’ hi li l-kuntrattur Ġordaniż lanqas biss applika biex jagħmel Universita’. Dwar dan, Simon Busuttil qal li ingann aktar minn dan ma jistax jeżisti, filwaqt li spjega kif id-Deputati tal-Oppożizzjoni spjegaw fil-Parlament x’qed jagħmel ħażin il-Gvern b’din id-deċiżjoni.
Simon Busuttil irrefera għad-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’ li l-Partit Nazzjonalista nieda fil-bidu ta’ dan ix-xahar. Hu spjega kif f’Jannar, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jispjega fid-dettall dan id-dokument li fih aktar minn 100 proposta ta’ kif jista’ jkun hemm Gvern li jmexxi b’mod differenti. “Matul din is-sena wrejna kif il-politika tista’ ssir b’mod differenti, b’mentalita’ differenti, aktar miftuħa, Ewropea u onesta’. Nemmen li dak hu li jridu n-nies,” sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hawnhekk hu sostna li l-Partit Nazzjonalista qed jgħid il-verita’, qed jimxi fl-onesta’ u s-serjeta, tgħallem mill-iżbalji u qed jibni fuq pedamenti sodi u mhux fuq ir-ramel.
Dwar is-sena 2015 li se tintemm ftit tal-jiem oħra, il-Kap tal-Partit Nazzjonalist qal li din kienet turning point għall-Partit Nazzjonalista ta’ kif jimxi u kif jagħmel il-kuntatt man-nies, waqt li kienet turning point ukoll għall-Gvern li issa waqatlu l-maskra u n-nies raw b’mod ċar l-ingann fil-mod ta’ kif imexxi. “Għandi kunfidenza u kuraġġ kbir għas-sena 2016. It-triq hija t-triq it-tajba u hija t-triq li tista’ twassalna,” qal Simon Busuttil.
Fi tmiem il-kollegament telefoniku, Simon Busuttil sellem lil dawk kollha li jkunu hemm biex jagħtu l-appoġġ lill-Partit Nazzjonalista u awgura Milied hieni lill-familji Maltin u Għawdxi kollha.
//= $special ?>