“Qatt m konna qed nistennew aħbar kerha bħal din. Qed ngħixu jiem terribbli. Ma nafu assolutament xejn. Ħadd ma jiġi jkellimna u jgħidilna x’qiegħed isir. Ninsabu mitlufin. Ommu u jien inħarsu lejn xulxin u nibku.”
Hekk qall bit-telefon Rafel Baldacchino, missier Pierre Baldacchino ta’ 36 sena li fil-bidu ta’ din il-ġimgħa nħataf minn grupp ta’ kriminali fi Tripli waqt li kien sejjer lura lejn id-dar wara ġurnata xogħol. Dan qalu waqt intervista mill-ġurnalist Joe Mikallef ippublikata llum fil-gazzetta Il-Mument.
Rafel Baldacchino, pensjonant, qalilna li matul din il-ġimgħa, wara li saru jafu b’dak li kien ġara tard nhar it-Tnejn filgħaxija, mar għandhom id-dar nhar it-Tlieta filgħodu uffiċjal tas-Servizz Sigriet Malti.
“Ma qalilna xejn. Anqas hu ma kien jaf xejn. Fil-verità ftit tal-ħin biss dam hawn. Ftit minuti. Imbagħad matul il-kumplament ta’ din il-ġimgħa ma smajna xejn aktar. Dak li sirna nafu għaliex smajna l-aħbarijiet jew minn dak li kitbu l-ġurnali. Mill-bqija ħadd ma ġie jkellimna u jgħidilna f’hix waslu l-affarijiet,” qal Rafel Baldacchino mbikkem.
Hu kompla li ibnu issa ilu diversi snin ġej u sejjer il-Libja għaliex jaħdem fl-Isptar St. James. “Hu jmexxi l-Isptar St. James u x-xogħol iħobbu ħafna u hu ħaddiem dedikat. L-aħħar li kien Malta kien madwar tliet ġimgħat ilu. Issa suppost li kellu jerġa’ jiġi nhar il-Ħadd li ġej (jiġifieri llum) biex hekk ikun jista’ jgħaddi l-festi tal-Milied flimkien mal-familja tiegħu. Hu għandu żewġt itfal li għadhom żgħar ħafna.”
Il-Mument tgħid li missieru, li kien qiegħed jinstema’ li qiegħed jibki, kompla li huma jafu tajjeb li ibnu kien maħbub ħafna fi Tripli għaliex kien qiegħed jagħmel ħafna ġid fl-Isptar fejn jaħdem. “Ma nafux għaliex kellu jinħataf. Ma nafux min ħatfu u anqas x’irid min ħatfu. Sa issa ma sar l-ebda kuntatt ma’ xi awtorità u jalla l-Mulej jaqlalna din il-grazzja u t-tifel jinħeles b’wiċċ il-ġid.”
Rafel Baldacchino kompla li meta joqgħod jaħseb dwar din l-esperjenza kerha “nħossni se mmut. Inħossni ras maqtugħa. Ma nafx x’se jiġri u x’sar minn ibni. L-unika ħaġa li nistgħu nagħmlu hu li nitolbu lil Alla biex din l-istorja tispiċċa b’wiċċ il-ġid.”
Hu qal li għandu fiduċja fil-ħidma li qed iwettaq il-Gvern Malti biex ibnu jinstab u jinħeles. “Meta ġie għandna l-membru tas-Servizz Sigriet Malti qalilna li kienu se jagħmlu kuntatti ma’ terzi fil-Libja. Qalilna li hemmhekk għandhom numru ta’ kuntatti li se jkunu avviċinati biex jgħinu ħalli l-ewwel ikun lokalizzat it-tifel, u mbagħad eventwalment issir il-ħidma meħtieġa biex hu jinħeles u jirritorna mal-familja.”
Rafel Baldacchino temm li fil-jiem li għaddew bosta kienu dawk li kellmuh u staqsewh jistgħux ikunu ta’ għajnuna f’dawn il-mumenti diffiċli. “Ngħidilhom biss biex jitolbu lil Alla ħalli din l-istorja ma ttulx u tispiċċa b’wiċċ il-ġid biex ibni jirritorna mal-familja… għandu żewġt itfal żgħar… meta naħseb f’dan kollu qalbi tkun se tinqasam. Ommu u jien ma waqafniex nibku.”
//= $special ?>

