Lokali

Joseph Muscat jgħid li l-Air Malta bħall-Enemalta

L-Air Malta bħall-Enemalta – hekk ta x’jifhem il-mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat hekk kif il-Ħadd indirizza ġemgħa Laburista f’San Pawl il-Baħar.

Iżda din xejn mhi aħbar sabiħa għall-ħaddiema tal-Air Malta speċjalment meta wieħed iħares lura lejn dak li għaddew minnu l-ħaddiema tal-Enemalta.

Filfatt wara l-privatizzazzjoni, il-ħaddiema qattgħu żmien twil li fih ma kinux jafu x’se jkun il-futur tagħhom, u saħansitra kellha tintervjeni l–UĦM Voice of the Workers li nsistiet li l-ebda ħaddiem fl-Enemalta ma għandhu jitnaqqaslu t-take home pay tiegħu.

Saħansitra kienu nħarġu direttivi biex numru ta’ ħaddiema ġewwa Għawdex ma jiġux trasferiti għad-detriment tad-dħul finanzjarju tagħhom f’azzjoni li l-UĦM ħadet biex tħares id-dinjita’ tal-ħaddiema.

Il-ħaddiema tal-Air Malta ilhom xhur isofru minn inċertezza dwar il-futur tal-post tax-xogħol tagħhom bil-Gvern ma jikkonfermax jekk il-ħaddiema tal-Air Malta hux se jinżammu bis-sieħeb strateġiku l-ġdid.

Hekk kif it-taħditiet mas-sieħeb strateġiku jinsabu fi stadju avvanzat, f’seduta tal-Parlament iktar kmieni dan ix-xahar il-Ministru tat-Turiżmu Zammit Lewis ma weġibx dwar jekk hux se jinżammu l-ħaddiema tal-Air Malta u l-kundizzjonijiet li għandhom il-lum għax qal li mhux il-mument opportun biex jingħataw dettalji dwar dak li qiegħed jiġi negozjat.

Intant Muscat infexx jattakka lill-Oppożizzjoni, għaliex flimkien mal-għaqdiet ambjentali ddefendiet l-art ODZ li se tinbena fiz-Zonqor. U dan minkejja li Gvern immexxi minn Joseph Muscat daħaq bil-poplu meta wiegħed universita’ Amerikana li issa ħareġ biċ-ċar li la se tkun universita’ u lanqas Amerikana.

Għal din l-istituzzjoni, il-Gvern Laburista ta rigal lill-investituri Ġordaniżi – art verġni u fertili barra miż-żona tal-iżvilupp li se tittieħed lill-poplu Malti.