Storja tal-ġurnalist Joe Mikallef fil-gazzetta Il-Mument llum tiżvela kif investigazzjoni li saret mis-sit elettroniku Taljan Rischio Calcolato li jkopri analiżi u opinjonijiet diversi fuq kwistjonijiet finanzjarji u politiċi tipponta lejn Malta fost pajjiżi oħra, li qed tintuża fit-traffikar illegali ta’ żejt Kurd. L-istess sit elettroniku jagħmel referenza wkoll għall-kumpanija ta’ Bilan Erdoğan, iben il-President tat-Turkija li permezz ta’ bastimenti reġistrati Malta qed jiġi allegat li qed jintużaw biex jitgħabba żejt li l-oriġini tiegħu jkun ġej minn zoni kontrollati mill-Istat Iżlamiku.
Is-sit elettroniku Richio Calcolato jirreferi għall-kumpanija BMZ Group, li hi proprjetà ta’ Bilan Erdoğan, iben il-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdoğan, u fejn qed ikun allegat li din hija implikata f’negozju u f’xiri ta’ żejt mill-Istat Iżlamiku b’tankers taż-żejt reġistrati f’Malta. Għal dawn l-allegazzjonijiet, il-President Tork u ibnu għamlu ċaħda kategorika.
In-negozju ta’ BMZ Group
BMZ Group hi kumpanija Torka u għandha tliet diretturi; Bilal Erdoğan (it-tifel tal-President tat-Turkija), u Mustafa Erdoğan u Ziya İlgen li wkoll huma membri tal-familja Erdoğan.
Rapporti internazzjonali jsemmu li f’Settembru ta’ din is-sena, il-kumpanija BMZ Group xtrat żewġ tankers oħra għal US$ 36 miljun. B’hekk il-BMZ Group għandu flotta ta’ tankers li tammonta għal ħames bastimenti li l-kobor tagħhom hu ta’ 140 metru tul, 16-il metru wisa’ u tunnellaġġ ta’ 7,100.
In-negozju mill-BMZ Group fix-xiri taż-żjut żdied fl-aħħar xhur bir-riżultat li l-Grupp kellu jieħu d-deċiżjoni li jżid il-kapaċitajiet tiegħu ta’ tankers biex hekk it-trasferiment taż-żejt isir b’aktar effiċjenza u fl-iqsar żmien possibbli.
Hu suspettat li fin-negozju taż-żejt f’dan ir-rigward dak li qed jiġri hu li l-BMZ Group jixtri ż-żejt mhux raffinat biex imbagħad il-konsenji jitgħabbew biex aktar tard jinbiegħu lill-xerrejja Ewropej. Bħala alternattiva, iż-żejt Kurd jiġi mibjugħ bi trasferiment offshore ‘l barra minn Malta, u b’hekk ix-xerrejja jkollhom garanzija li ma jispiċċawx taħt l-iskrutinju tas-SOMO, l-azjenda Statali Iraqina.
Lenti fuq dan l-allegat negozju ntefgħet fil-medja Taljana fil-jiem li għaddew meta s-sit elettroniku Rischio Calcolato f’artiklu dettaljat miktub minn Mauro Bottarelli, jirreferi għal dak li kien qal il-Ministru għar-Riżorsi Naturali tal-Kurdistan, Ashti Hawrami, kien ikkonferma, fi żmien li ma kienx iqanqal suspetti, li kienet teżisti triq oħra parallela taż-żejt, meta qal: “Effettivament, aħna ġejna ddiskriminati fuq livell finanzjarju għal tant żmien. Għalhekk, fil-bidu tal-2014, meta għal darba oħra ma ngħatax lilna baġit ta’ spiża, ħadna d-deċiżjoni li nibdew naħsbu dwar bejgħ, b’mod indipendenti taż-żejt”.
Żewġ fatti: il-Kurdistan Iraqin għandu bħala l-kapitali tiegħu Erbil u bħala entità l-Kurdish Regional Government, li l-Gvern ta’ Bagdad ma jgħaddilux baġit u ma jirrikonoxxilux sovranità sħiħa.
Dan is-sit elettroniku Taljan jirrapporta kif f’Ġunju tas-sena l-oħra, dak li kien għaddej ħareġ fid-deher b’mod iktar ċar, meta l-vapur tat-tagħbija ‘SCF Altai’ wasal fil-port Iżraeljan ta’ Ashkelon, fejn ħatt l-ewwel kunsinna ta’ żejt tal-pipeline Kurd.
Tilwim bejn il-Kurdi u l-Iraqin
Dak iż-żmien l-aġenzija internazzjonali tal-aħbarijiet Reuters innutat li “r-rotta l-ġdida tal-esportazzjoni lejn il-port Tork ta’ Ceyhan, imfassla biex tevita s-sistema tal-pipeline federali ta’ Bagdad, ħolqot tilwim qawwi dwar il-bejgħ taż-żejt propju bejn il-Gvern ċentrali Iraqin u l-Kurdi.”
Il-Kurdi li tant jogħboduhom – u li l-Avukat tagħhom inqatel ftit tal-jiem ilu biss b’tiri ta’ pistola fit-toroq ta’ Dyarbakir – mhux biss itellgħu ż-żejt b’mod indipendenti, imma jużaw l-għadu Tork bħala triq biex jaqbżu lill-awtoritajiet ta’ Bagdad u jaslu f’Iżrael.
Ġimgħa qabel ma twassal iż-żejt f’Iżrael, iż-żejt tal-Kurdi ġie trasferit direttament fuq il-vapur ‘SCF Altai’ minn ‘The United Emblem’. Din l-operazzjoni, minn vapur għal ieħor, twettqet ‘l barra mill-kosta Maltija; il-vapur għabba ż-żejt mhux raffinat f’Ceyhan, il-belt Torka fejn il-pipeline jgħaqqad il-port mal-Kurdistan.
Il-sit elettroniku Rischio Calcolato jirrapporta li l-Kurdi qed jikkontestaw ftehim mal-Gvern ta’ Bagdad, li bih Erbil tieħu 17 fil-mija tad-dħul fiskali miż-żejt Iraqin għal 550 elf barmil żejt kuljum li l-Gvern Kurd jgħaddi lis-SOMO, l-ażjenda Statali Iraqina tal-enerġija. Ftit wara l-ftehim, il-Gvern ta’ Bagdad akkuża lill-Kurdi li ma kenux qed jirrispettaw il-ftehim u naqqas il-baġit riservat għalihom fuq bażi frazzjonali, u dan fl-ewwel ħames xhur tal-2014.
Min hu l-moħħ wara l-allegat kummerċ illegali taż-żejt fil-Mediterran?
Iżda min jopera fuq bażi kummerċjali hu xi ħadd ieħor jirrapporta dan is-sit elettroniku Taljan. L-akkuża diretta waslet kmieni x-xahar li għadda hekk kif il-President Russu Vladimir Putin, waqt li kien qed jieħu sehem fil-G20 ġewwa Antalya f’Novembru li għadda, tkellem dwar pajjiżi li jiffinanzjaw l-ISIS kif ukoll dwar traffikar ta’ żejt li jħaxxen il-but tal-ISIS. Fl-istess jum, l-ajruplani Amerikani attakkaw 116-il ħażna ta’ żejt, u fil-ġimgħatejn ta’ wara, l-avjazzjoni Amerikana u Russa qerdu b’kollox 1,300.
Il-sit elettroniku Rischio Calcolato ppubblika mappa interessanti li turi kif din il-katina ta’ fornitura taż-żejt hi kumplessa; titlaq minn Sanliura, Urfa, Hakkari, Siirt, Batman, Osmaniya, Gaziantep, Sirnak, Adana, Kahramarmaras, Adiyaman u Mardin, b’nisġa ta’ hub operattivi li tispiċċa f’Adana, fejn jinsab il-port bil-containers lesti biex jintbagħtu biż-żejt lejn Ceyhan.
Din hi belt b’popolazzjoni ta’ 110,000 persuna, iżda fuq kollox hi ċentru għat-trasport taż-żejt u tal-gass tal-Lvant Nofsani, tal-Asja u tar-Russja. Barra minhekk, il-port jilqa’ wkoll vapuri tat-tagħbija u għandu terminal taż-żejt, immexxi mill-azjenda statali Torka Botas International Limited (BIL).
L-esportazzjoni tista’ tlaħħaq mal-50 miljun tunnellata fis-sena: il-kwantità ta’ żejt mhux raffinat esportat minn Ceyhan taqbeż il-miljun barmil kuljum. Minkejja dan, jekk wieħed jistrieħ fuq indikazzjonijiet militari kif ukoll xjentifiċi, l-ISIS qatt ma kien kapaċi jaqbeż l-45 elf barmil kuljum.
Studju ta’ George Kiourktsoglou u ta’ Alec D. Coutroubis jipprova jagħti spjegazzjoni, permezz ukoll ta’ informazzjoni fil-forma ta’ tabella li turi l-prezz tal-kiri charter fuq ir-rotot ewlenija għall-kummerċ taż-żejt.
“Skont il-Baltic Dirty Tanker Indice’s, ir-rotta f’dan il-każ, hija dik li oriġinarjament tieħu minn Baniyas fis-Sirja għal Laveras fi Franza, imsejħa TD 11, iżda li minn Settembru tal-2011, minħabba il-gwerra ċivili Sirjana, saret tissejjaħ TD 19, bid-differenza li minflok il-port ta’ Baniyas għandha dak ta’ Ceyhan. Bejn Lulju tal-2014 u Frar tal-2015, hemm tliet żidiet kbar li m’hemmx bħalhom fuq ir-rotot kummerċjali l-oħra tal-Lvant Nofsani, iżda li jinstabu biss fuq it-TD 19,” ikompli jispjega s-sit elettroniku Rischio Calcolato.
Tidher l-ewwel żieda qawwija mill-10 ta’ Lulju 2014 sal-21, u li hu l-istess żmien meta waqa’ f’idejn l-ISIS l-akbar bir taż-żejt fis-Sirja, AlOmar. It-tieni żieda kbira kienet dik bejn l-aħħar t’Ottubru u l-aħħar ta’ Novembru 2014, meta kien hemm ġlied bejn l-ISIS u l-forzi regolari Sirjani għall-kontroll tal-bjar tal-gass ta’ Jhar u Mahr u tal-kumpannija tal-gass Hayyan fil-provinċja ta’ Homs. It-tielet żieda qawwija seħħet bejn l-aħħar ta’ Jannar u l-10 ta’ Frar ta’ din is-sena li hu l-istess żmien li fih seħħew l-attakki mill-ajru fiż-żona ta’ Hawija, li tinsab fil-Lvant ta’ Kirkuk.
Fi kliem ieħor, hemm rabta inviżibbli bejn l-operat ġewwa Ceyhan u l-ISIS, li toħroġ ċara minn nefqa fil-kiri tat-tankers li juri żdidiet sostanzjali li jseħħu dejjem qrib l-attività terrorisitika tal-ISIS. Dan ifisser li kull darba li l-ISIS ikun qed jiġġieled f’zona qrib il-bjar taż-żejt, b’mod stramb l-esportazzjoni minn Ceyhan tiżdied b’mod konsiderevoli.
Il-sit elettroniku Taljan jagħti attenzjoni liċ-ċifra ta’ 45 elf barmil li l-ISIS jirnexxielu jgħaddi kuljum imqabbla mal-miljuni ta’ bramel li jgħaddu minn Ceyhan: iż-żejt tat-terroristi, f’dak il-baħar ta’ żejt mhux raffinat, jidħol mal-ieħor u fil-fatt jispiċċa inviżibbli.
“Hawnhekk il-kwistjoni ssir aktar interessanti, għaliex il-Gvern ta’ Erbil qed jirnexxielu jaħbi it-tagħbijiet tiegħu ta’ żejt mhux raffinat, li huma meqjusa illegali mill-Gvern ta’ Bagdad. Peress li ħafna xerrejja huma kumpaniji kbar multinazzjonali bħal Exxon Mobile (li għandha sitt kuntratti mal-Gvern reġjonali Kurd-Iraqin) u BP, u dawn għandhom kuntratti ma’ Bagdad, biex jevitaw mossi żbaljati b’effetti spjaċevoli, xi wħud mix-xerrejja jagħmlu użu mit-tankers tal-port Iżraeljan ta’ Ashkelon, fejn iż-żejt mhux raffinat jiġi mgħobbi biex jinbiegħ aktar tard lill-xerrejja Ewropej. Bħala alternattiva, iż-żejt Kurd jiġi mibjugħ bi trasferiment offshore ‘l barra minn Malta, u b’hekk ix-xerrejja jkollhom garanzija li ma jispiċċawx taħt l-iskrutinju tas-SOMO, l-ażjenda Statali Iraqina,” jirrapporta l-ġurnal Taljan
Il-gazzetta influwenti ‘Financial Times’ ukoll irrappurtat dwar it-trasferimenti minn vapur għall-ieħor ‘l barra minn Malta li jservu biex iwasslu ż-żejt Kurd mhux raffinat f’Iżrael. Dan hu dak li qalet il-gazzetta ta’ Londra f’rapport ippubblikat dan l-aħħar: “Ir-raffineriji Iżraeljani u l-kumpanniji taż-żejt daħħlu aktar minn 19-il miljun barmil ta’ żejt Kurd bejn il-bidu ta’ Mejju u l-11 ta’ Awwissu. Dan ilaħħaq l-ekwivalenti ta’ 77 fil-mija tad-domanda medja Iżraeljana, li hi bejn wieħed u ieħor ta’ 240 elf barmil kuljum. Aktar minn terz taż-żejt mhux raffinat li jiġi minn naħa ta’ fuq tal-Iraq, u li ntbagħat mill-port Tork ta’ Ceyhan, f’dak il-perijodu, spiċċa l-Iżrael”.
Al-Araby al-Jadeed, media group immexxi mill-Qatari Fadaat Media, ftit tal-jiem ilu qal li kien irċieva allegazzjonijiet minn kurunell tas-servizzi Iraqini wara li lilu ġie garantiti l-anonimat. Dan hu dak li qal: “Hekk kif jasal it-Turkija, iż-żejt tal-ISIS ma jistax jingħaraf minn dak mibjugħ mill-Gvern reġjonali Kurd, peress li t-tnejn huma mibjugħa b’mod illegali u bla liċenzja. Fil-fatt, min jixtri ż-żejt Kurd, jixtri wkoll dak li Daesh (ISIS) ibiegħ biex jiffinanzja ruħu”.
Imma l-investigazzjoni li għamel is-sit elettroniku Rischio Calculato twassal għall-mistoqsija: jekk b’kumbinazzjoni, biex iż-żejt jiġi “maħsul” u jitlef traċċa tal-oriġni tiegħu, iż-żejt tal-ISIS ma jgħaddiex bl-involviment ta’ Malta, meta din hi daqstant utli għaż-żejt Kurd; intriċċ li jingħaqad ma’ ieħor li jinvolvi lill-Iżrael. Dan għaliex it-tifel tal-President Tork Recep Tayyip Erdogan, Bilal hu proprjetarju ta’ kumpanija reġistrata Malta, l-Grupp BMZ, li f’dawn l-aħħar xahrejn xtrat żewġ tankers għas-somma totali ta’ 36 miljun dollaru. Dawn it-tankers ġew reġistrati f’Ottubru li għadda, f’isem l-Oil Transportation & Shipping Company, kumpannija Maltija affiljata mal-Grupp BMZ.
Rischio Calcolato’tallega li t-Turkija tiffaċilità operazzjonijiet tal-ISIS li jiswew 400 miljun fis-sena, iżda skont impjegat Ewropew li jaħdem għal kumpannija internazzjonali taż-żejt u li ġie intervistat taħt kundizzjoni ta’ anonimat, minn Al-Araby al-Jahdeed, “iż-żejt jiġi raffinat biss darba jew darbtejn f’Iżrael, minħabba nuqqas ta’ raffineriji avvanzati. Imma dan imbagħad jiġi esportat lejn pajjiżi tal-Mediterran – fejn iż-żejt jiġi rikonoxxut semi-leġittimu, għall-prezz ta’ bejn 30 u 35 dollaru l-barmil”.
Il-ġurnal ‘Rischio Calcolato’ jkompli li “ż-żejt jinbiegħ f’jum wieħed lil għadd ta’ gruppi privati, waqt li l-parti kbira tiegħu tmur f’raffinerija Taljana, li s-sid tagħha hi shareholder kbir ta’ tim tal-futbol Taljan, fejn iż-żejt jiġi raffinat u wżat fil-post”.
Il-ġurnal ikompli: “Iżrael, b’mod jew ieħor, sar dak li prinċipalment ipoġġi fuq is-suq iż-żejt tal-ISIS, peress li mingħajr l-intervent tiegħu dak iż-żejt mhux raffinat kien jibqa’ bejn l-Iraq, is-Sirja u t-Turkija. Anke t-tliet kumpaniji ma kinux jirċievu ż-żejt kieku ma kellhomx min jixtrih f’Iżrael”. Waħda mill-mistoqsijiet l-aktar importanti hija: min huma l-intermedjarji ta’ dan il-kummerċ ta’ żejt, fir-realtà tal-fatti illegali u bi prezz inqas minn dak tas-suq?
L-aġenzija awtorevoli ‘Reuters’ tkellmet dwar il-kummerċ illegali taż-żejt Kurd: “Sorsi tas-suq stqarrew li bosta trading houses, fosthom Trafigura u Vitol, kienu involuti fil-kummerċ taż-żejt Kurd. Kemm Trafigura kif ukoll Vitol ma ridux jikkummentaw dwar ir-rwol tagħhom fil-bejgħ taż-żejt”.
Il-‘Financial Times’ ukoll innutat li “kemm Vitol kif ukoll Trafigura ħallsu bil-quddiem għaż-żejt lill-Gvern reġjonali Kurd, billi wżaw ‘l hekk imsejjħa ftehim ta’ ħlas bil-quddiem, u b’hekk għenu lil Erbil biex jimlew il-vojt fuq livell ta’ baġit”. Iktar minn hekk, waqt li l-Kurdistan kien qed ifittex konsulent biex jgħinu ħalli jinganna lill-Bagdad, il-Gvern reġjonali għażel lil Murtaza Lakhani, li kien ħadem għal Glancore fl-Iraq fis-snin 2000: “Kien jaf eżattament min seta’ u min ma setax jagħmel kummerċ magħna. Fetħilna l-bibien u iddentifika kumpaniji li riedu jaħdmu magħna”, temm Ashti Hawrami, il-Ministru għar-Riżorsi Naturali tal-Kurdistan Iraqin.
L-awtur tal-investigazzjoni li għamel il-ġurnal ‘Rischio Calcolato’, minkejja dan kollu u ċaħdiet eventwali minn min hu involut, ċerti ċifri kif ukoll ċerti kumbinazzjonijiet jitkellmu waħedhom. Għal ftit roħs fuq il-prezz ta’ barmil żejt li kien niżel f’livelli minimi f’dawn l-aħħar snin, qed isir ħlas għall-armi li juża l-ISIS biex jagħmel gwerra, prinċipalment lin-nies Iraqini, Sirjani u Kurdi.
//= $special ?>