Għawdex Lokali

Żvilupp kontra l-permessi tal-MEPA fi propjeta’ f’Għar Ilma f’Għawdex

Storja f’Il-Mument qed tiżvela żvilupp illegali mhux skont il-permessi maħruġa mill-Awtorità Maltija għall-Iżvilupp u l-Ambjent (MEPA) fl-inħawi magħrufa Għar Ilma f’Ta’ Kerċem f’Għawdex. Matul dawn l-aħħar ġimgħat din il-gazzetta mbarkat fuq investigazzjoni dwar xogħlijiet infrastrutturali konsiderevoli li qed isiru b’konnessjoni ma’ din il-binja. Dawn ix-xogħlijiet jikkonċernaw permess bin-numru PA 04988/07 li ħareġ eżatt kif kien approvat il-permess PA 3009/03. Dan il-permess hu fir-rigward ta’ kamra u ġibjun.

Il-ġibjun li kien approvat fil-permess PA 3009/03 reġa’ kien approvat bl-istess zona x’ħin ħareġ il-PA 04988/07. Biex il-ġibjun ikun jidher li qiegħed skont il-permess approvat, is-sid allegatament stiva ġo fih kwantità kbira ta’ knaten u brikks.

Malli s-sid tal-proprjetà ġabar il-garanzija ta’ €7,000, dan allegatament ħareġ l-ammont kbir ta’ knaten u brikks li kellu stivati fit-taparsi ġibjun biex bihom ikun jista’ jagħmel boundary walls mal-proprjetà bl-iskop li l-iżvilupp li jkun qed isir ġewwa ma jagħtix fil-għajn.

Sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument fissru li però l-kundizzjoni tal-permess fil-PA 04988/07 kellha tibqa’ eżatt bħall-permess PA 3009/03 li ħareġ aktar qabel jiġifieri l-area tal-ġibjun suppost baqgħet l-istess x’ħin tneħħew il-knaten u l-brikks kollu bir-riżultat li iżda z-zona tas-suppost ġibjun kibret drastikament.

Fil-permess tissemma’ wkoll kundizzjoni partikolari: “Steps to be located behind retaining rubble walls on both terraces.” Jirriżulta li dawn it-turġien li qed jissemmew ukoll kienu mgħottija bil-ħitan tas-sejjiegħ kif approvati fil-permess PA 04988/07 imma malli nġabret il-garanzija ta’ €7,000, il-ħitan tas-sejjiegħ twaqqgħu u llum, kif jixhdu r-ritratti, flok il-ħitan tas-sejjegħ, tfaċċaw il-ħitan tal-ġibjun u l-kamra mibnija bil-brikks fejn f’ritratt minnhom jidher diġà bieb miftuħ għal ġol-ġibjun!

Il-Mument tgħid li sorsi li tkellimu magħha qalu li dan reġa’ ngħalaq wara li marru fil-post Uffiċjali tal-Infurzar tal-Awtorità Maltija għall-Iżvilupp u l-Ambjent.

Madankollu wara li għadda xi xahar u x-xogħol kien wieqaf, ix-xogħol reġa’ beda mingħajr permessi ġodda. Skont il-permess PA 04988/07 dawn il-ħitan tas-sejjiegħ ma jistgħu qatt jinbnew bil-knatan u bil-brikks.

Mill-investigazzjonijiet li għamlet il-mument jirriżulta li jekk wieħed iħares mill-ġenb ta’ dawn il-ħitan tas-sejjiegħ ikun jista’ jinnota li dawn fihom għoli ta’ aktar minn għaxar filati, meta l-għoli suppost ikun ta’ 2.4 metri fejn il-ħajt ikun qed iżomm il-ħamrija miegħu u 1.2 metru mil-livell tal-ħamrija ‘l fuq u dejjem bis-sejjiegħ u mhux bil-knatan u l-brikks.

Sa issa ma jirriżultax li l-MEPA ħarġet xi enforcement notice fuq dan l-iżvilupp li jmur kontra l-permess maħruġ mill-awtorità.