Lokali

450 Persuna f’Position of Trust mal-Gvern

Il-Gvern qiegħed jimpjega 450 persuna mal-Ministeri, Segretarjati Parlamentari u Entitajiet tal-Gvern, f’position of trust, hekk żvelat il-gazzetta The Malta Independent.

Dawn l-450 persuna huma biss l-impjegati ta’ 13-il Ministeru minn total ta’ 15, wara li Ministeru tat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej għadhom ma bagħtux r-risposta tagħhom.

Fir-risposti tal-Ministeri, ġew provduti wkoll il-karigi ta’ dawn il-persuni, li fosthom hemm kmandant tal-akkademja tal-Pulizija, operatur tal-forklifters u krejnijiet, numru ta’ cleaners, u saħansitra dog handler.

L-akbar numru ta’ impjegati f’pożizzjoni ta’ fiduċja jinstabu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru b’total ta’ 112-il persuna. Total ta’ 50 persuna, li ġew magħzula mingħajr ebda sejħa għall-pubbliku, kienu impjegati matul l-avvenimenti taċ-CHOGM u l-Valletta Summit.

Fost il-persuni impjegati fl-Uffiċċju tal-Prim Minsitru, insibu lil Glenn Bedingfield, li skont l-informazzjoni maħruġa, jokkupa l-kariga ta’ ko-ordinatur għall-Mistoqsijiet Parlamentari. Insibu wkoll lil Phyllis Muscat, il-Mexxejja taċ-CHOGM Taskforce, li hi l-unika persuna impjegata fl-għola skala.

Skont l-artiklu tal-Malta Independent, il-Ministeru tal-Enerġija, ma tax informazzjoni ċara. Ġie rrimarkat ukoll, li l-ebda Minsiteru ma’ ta risposta sħiħa għall-dak li ġie mitlub. Filfatt, kull Ministeru insista li jagħti biss lista ta’ persuni impjegati preżentament, mingħajr ma jitniżżlu impjegati tal-passat. F’kull każ ukoll, tniżżlu biss is-salarji basiċi tal-ħaddiema, mingħajr ma nkixef il-pakkett finanzjarju sħiħ.

Għal dan il-fatt, li l-Ministeri ma tawx r-risposti sħaħ għal dak mitlub mill-Malta Independent, tkellem Dr Antonio Ghio, speċjalist fil-liġi tad-data. Huwa rrimarka li skont il-liġi, l-Ministeri tal-Gvern huma mitluba li jagħtu r-raġuni speċifika għaliex ma nkludewx din l-informazzjoni.

Kompla, billi qal li ma hemmx skuża għall-fatt li l-Gvern ma jridx jippublika informazzjoni ta’ impjegati li kienu jaħdmu mal-Gvern fil-passat.