Futbol

Blatter u Platini jiġu sospiżi għal 8 snin

Il-President tal-FIFA Sepp Blatter u l-President tal-UEFA Michel Platini, ġew sospiżi t-tnejn għal tmien snin minn kull attivita’ sportiva b’effett immedjat, wara li kumitat indipendenti tal-etika tal-FIFA kkonferma d-deċiżjoni.

Iż-żewġ persuni ġew sospiżi b’mod proviżorju f’Ottubru marbuta ma’ pagament ta’ żewġ miljun Frank Svizzeru li sar mill-FIFA, u li ġie awtorizzat minn Blatter lil Platini fi Frar tal-2011.

Blatter u Platini qalu li dan sar relatat ma’ xogħol li sar mill-eksplejer Franċiż bejn l-1999 u l-2002 fuq bażi ta’ rġulija. Iżda f’deċiżjoni li ġiet ppublikata l-bieraħ, il-kumitat etiku qal li l-pagament li ġie ffirmat bejn iż-żewġ uffiċjali fil-25 ta’ Awwissu 1999 ma kellux bażi legali u Blatter ma kienx kapaċi jġib prova oħra ta’ dan il-pagament kemm fis-smigħ personali kif ukoll fil-kitba tiegħu.

Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni bejn Blatter u Platini ta’ ftehim orali ġie determinat li mhux konvinċenti biżżejed u ġie miċħud mill-kumitat.

Blatter li għandu 79 sena, kien ħabbar minn qabel l-intenzjoni li jirriżenja qabel l-elezzjonijiet għall-presidenza tal-FIFA fi Frar. Hu ġie mmultat 50,000 Frank Svizzeru filwaqt li Platini ġie mmultat 80,000 Frank Svizzeru.

Iż-żewġ persuni ċaħħdu li għamlu xi ħaġa ħażina u l-investigazzjoni ma ppruvatx li t-tnejn kienu ħatja ta’ serq u korruzzjoni taħt il-kodiċi ta’ etika tal-FIFA.

Iżda Blatter u Platini instabu ħatja li kisru l-artikli tal-FCE li għandhom x’jaqsmu ma’ rigali u benefiċċji oħra; kunflitti ta’ interessi; lealtà u regoli ġenerali ta’ kondotta.

Blatter ilu President tal-FIFA mill-1998, filwaqt li Platini ilu jokkupa l-ogħla kariga tal-UEFA mill-2007 u kien wieħed mill-favoriti biex ikun is-suċċessur ta’ Blatter qabel ma ħareġ l-iskandlu.