Internazzjonali

Filmat: Miss Universe għal 30 sekonda

Il-konkors tal-Miss Universe ta’ din is-sena se jibqa’ mfakkra għal mument mill-aktar embarazzanti fejn Reġina tas-Sbuħija setgħet tgawdi biss ftit mumenti ta’ glorja, minħabba li l-preżentatur spiċċa jħabbar l-isem żbaljat tar-rebbieħa.

Aktar qabel, Miss Kolombja Ariadna Gutierrez ħadet il-ferħa ta’ ħajjitha wara li kienet iddikjarata Miss Universe, iżda l-ferħ kellu jinbidel f’xokk u rassenjazzjoni ladarba ġie żvelat l-iżball u fejn kellha ċċedi l-kuruna lir-Rappreżentanta tal-Filippini, Pia Alonzo Wurtzbach.

Il-preżentatur, Steve Harvey, talab skuża għall-iżball, waqt li d-drama tal-Miss Universe 2015 saret l-aktar suġġett imfittex fuq il-media soċjali.

Intant, Ariadna Gutierrez dehret li aċċettat it-tieni post bi spirtu tajjeb u filwaqt li awgurat lir-rebbieħa, hi qalet lill-ġurnalisti li tixtieq kull suċċess lit-tfajla Filippina.