Futbol Sport

Il-President ta’ B’Kara jikkonferma ż-żewġ kowċis barranin li semma’ Replay

Is-suċċessur ta’ Giovanni Tedesco bħala kowċ ta’ B’Kara mistenni jkun is-Serb ta’ 52 Milan Milanovic li fit-tmiem il-ġimgħa kien f’pajjiżna sabiex jiltaqa’ mal-amministrazzjoni tal-klabb waqt li ra lit-tim ta’ B’Kara fl-azzjoni kontra Mosta fir-rebħa ta’ 3-0 is-Sibt wara nofs in-nhar. Dan kien żvelat waqt il-programm tal-bieraħ filgħaxija Replay fuq Net Television.

Sorsi li tkelmu ma’ Replay qalu li l-probabiltá hi li Milanovic ikun il-magħżul ta’ B’Kara għalkemm jeżsiti isem ta’ kowċ ieħor Kroat, Drazen Besek, li kien f’Malta fil-jiem li għaddew. Anke jekk is-CVs taż-żewġ kowċis huma simili għal ta’ xulxin, id-deċiżjoni x’aktarx se tkun li minn Jannar Milanovic immexxi lil B’Kara għat-tieni nofs tal-Kampjonat Premier.

Fil-każ ta’ Besek dan ukoll għandu 52 sena u apparti li mexxa numru ta’ klabbs Kroati, fejn kien l-aħħar ma’ Osijek, f’dawn l-aħħar snin kellu esperjenza ma’ numru ta’ klabbs fiċ-Ċina.

Drazen Besek

Milanovic kien kowċ l-aħħar ma’ FK RAD fl-ogħla diviżjoni Serba. Qabel din l-esperjenza hu mexxa klabbs oħra kemm fis-Super Liga Serba kif ukoll fil-Moldova, fejn saħansitra rebaħ unur, u l-Bożnija Ħerżegovina. Milanovic kellu ukoll esperjenza fil-Kampjonat tal-Gżejjer Faroe, fejn fil-bidu tal-karriera tiegħu tal-coaching kien lagħab bħala plejer-kowċ.

Interessanti l-fatt li fl-aħħar tal-2013, Milanovic intgħażel bħala l-aqwa kowċ fis-Serbja għal dik is-sena meta kien responsabbli mit-tmexxija ta’ Novi Pazar. Milanovic kien rebaħ dan l-unur wara li ntgħażel mill-kowċis stess.

Hu mifhum li fl-eventwalitá li Milanovic jinħatar kowċ ta’ B’Kara dan diġa’ talab li jġib numru ta’ plejers barranin miegħu fit-tim ta’ B’Kara waqt li jidher li hemm plejers oħra li preżentament huma plejers ta’ B’Kara li jistgħu iħallu lill-klabb f’Jannar.

Adrian Delia

Intant waqt intervent li għamel il-President ta’ B’Kara, l-Avukat Adrian Delia fil-programm radjofoniku Replay Ikompli, li jixxandar kull nhar ta’ Tnejn fit-8pm fuq Radio 101, dan ikkonferma l-ismijiet taż-żewġ kowċis li żvela Replay il-Ħadd filgħaxija waqt li tenna li Milanovic u Besek huma l-akbar favoriti biex wieħed minnhom ikun il-kowċ il-ġdid ta’ B’Kara. Delia żied jgħid li l-kowċ magħżul se jkun qed jaħdem direttament ma’ Josef Manuseto li matul it-tmexxija ta’ Tedesco serva bħala assistant kowc u fl-aħħar żewġ partiti tal-Kampjonat Premier mexxa lil B’Kara fir-rwol ta’ caretaker kowċ. Il-President ta’ B’Kara saħaq li l-kowċ il-ġdid mistenni jiffirma kuntratt ta’ sena u nofs la darba jkun uffiċjalment magħżul.

Intant fl-istess intervent fuq ir-radju, Delia kien mistoqsi dwar rapporti li intqalu f’sezzjoni oħra tal-media lokali li B’Kara setgħu jaħtru kowċ Franċiz madankollu dan kien miċħud mill-istess Delia waqt li reġa’ ikkonferma l-ismijiet ta’ Milanovic u Besek, li semma’ il-programm Replay tal-bieraħ filgħaxija fuq Net Television.