Qed jiġi allegat li l-Pulizija mhux qed jieħdu passi kontra nsib illegali fuq pluvieri matul il-lejl. Il-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) fi stqarrija qal li se jkun qed jibgħat rapport lill-Kummissjoni Ewropea.
Skont l-istqarrija, CABS irraportaw 14-il każ ta’ nsib illegali tul il-lejl lill-Pulizija. Minkejja dan, CABS qalu li ma raw l-ebda azzjoni diretta tittieħed. CABS qalu li fl-aħħar ġimgħat iltaqgħu ma’ numru kbir ta’ nsib illegali u għalhekk qed jappellaw lill-Gvern biex jagħlaq minnufih l-istaġun.
CABS ippubblikaw il-ħinijiet u l-ġranet li fihom għamlu r-rapporti li allegatament dwarhom ma ttieħdu l-ebda passi.
Skont l-għaqda CABS, il-pulizija ġieli qalulhom li mhux fir-responsabbilità tagħhom li jieħdu passi f’każi simili u li anke għandhom ordnijiet biex ma jmorrux fis-siti. Huma qalu li żona partikolari f’Delimara, kienet irrapurtata lill-Pulizija erba’ darbiet, iżda l-Pulizija qatt ma marret għax qalulhom biex ma jmorrux.
Huma qalu li l-pluvieri joħorġu l-aktar bil-lejl u għalhekk jagħmluha faċli għal min jonsob biex jaqbad ammont kbir minnhom. CABS komplew li kull min jonsob huwa obbligat li jirraporta kull għasfur li jaqbad biex il-Gvern jagħlaq l-istaġun meta l-kwota tintlaħaq.
Skont CABS Malta, minkejja li l-kwota għall-insib tal-pluvieri hija ta’ 700 wieħed, mill-osservazzjoni tagħha tikkalkula li l-kwota diġà nqabżet bi tliet darbiet.
//= $special ?>

