L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jinvesti €78 miljun fil-faċilitajiet tal-MIA.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg ħabbar li l-pjani ta’ investiment matul is-sena d-dieħla se jkunu nefqa kapitali ta’ €9.8 miljun, espansjoni tat-terminal tal-ajruport b’nefqa ta’ €28 miljun ewro u wara s-suċċess tal-ewwel kumpless, il-kumpanija se tinvesti €40 miljun ewro għal Skyparks 2.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, Alan Borg ħabbar li l-ajruport qed jistenna li jagħlaq din is-sena b’numru rekord ta’ 4.6 miljun passiġġier li għaddew mill-MIA.
Il-mitjar biss se jara investiment ta’ €6.3 miljun fir-rijabilitazzjoni ta’ Apron 9, titjib fir-runwa u s-sostituzzjoni tal-ILS, is-sistema ta’ strumentazzjoni li tassisti lill-bdoti waqt avviċinament għall-inżul.
Għal dak li għandu x’jaqsam mat-terminal, l-MIA qed jinvesti biex ikabbar in-numru ta’ check in desks, is-sala tat-tluq u z-zona tal-kontroll tas-sigurta.
Alan Borg qal li Skyparks Business Centre kien suċċess kbir u issa il-kumpanija se tinvesti f’kumpless ieħor b’investiment ta’ madwar €40 miljun fuq medda ta’ 4,000 metru kwadru u li se jġib l-isema ta’ Skyparks 2.
//= $special ?>