Lokali

“Irrid ngħix f’pajjiż fejn kulħadd jgħid dak li jħoss mingħajr biża’” – Simon Busuttil

Intervistat fuq Radju RTK minn John Bundy, il-Kap tal-PN jgħid li l-PN se jkompli jkun il-vuċi tan-nies

“Irrid ngħix f’pajjiż fejn kulħadd jgħid dak li jħoss mingħajr biża’” sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta lbieraħ filgħaxja kien qed jiġi intervistat fuq Radju RTK mill-preżentatur John Bundy.

Simon Busuttil qal dan meta kien qed jitkellem dwar il-mod kif il-Partit Nazzjonalista kien il-vuċi tan-nies matul is-sena. Semma, bħala eżempju, it-300 ħaddiem tal-kumpanija De La Rue, li ngħataw l-aħbar li se jitkeċċew u qal li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun il-vuċi tagħhom ukoll.

Mistoqsi dwar il-kambjamenti tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil spjega kif din is-sena kienet ‘turning point’ fejn il-Partit Nazzjonalista mhux biss kien il-vuċi tan-nies, iżda rnexxielu wkoll jikseb riżultati pożittivi.

Fakkar fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, li fihom, il-Partit Nazzjonalista naqqas id-distakk bin-nofs. Qal li l-Partit Nazzjonalista mar għat-test tal-elezzjoni tal-Kunsilli b’distakk ta’ 17% iżda kien kapaċi jnaqqas dan id-distakk għal 7%. Aktar tard, kompla Simon Busuttil, id-distakk naqas għal 4% skont stħarriġ tal-opinjoni pubblika.

Filwaqt li ddeskriva din is-sena bħala ‘turning point’ għall-Partit Nazzjonalista, fakkar li matul l-aħħar sentejn u nofs, il-Partit Nazzjonalista beda jinbena mill-ġdid, b’nies ġodda involuti, b’tibdil fl-istatut, b’investimenti kbar fil-media tal-Partit u b’numru ta’ policies li juru li l-Partit Nazzjonalista jista’ jkun Gvern alternattiv.

Kien hawnekk li fakkar fid-dokument li nieda fl-aħħar ġimgħat, b’aktar minn mitt proposta li l-Partit Nazzjonalista qed iressaq għall-governanza tajba. Proposti biex tinbena fiduċja ġdida fil-politika.

Meta kien qed jitkellem dwar Għawdex, Simon Busuttil reġa’ esprima tħassib dwar il-privatizazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid li dan il-pass jista’ joħloq il-problemi. Ġab bħala eżempju d-diskriminazzjoni li tista’ tinħoloq fil-mod ta’ kif jiġu trattati l-pazjenti, peress li l-isptar se jkun qed jilqa’ pazjenti li jistgħu jħallsu għas-servizz li jingħataw.