Internazzjonali

L-aktar prezz taż-żejt baxx mill-2004

Il-prezzijiet taż-żejt niżlu għal livelli li ma dehru qatt mill-2004 ’l hawn. It-tnaqqis kien aktar qawwi mis-sitwazzjoni tal-2008 meta d-dinja ntlaqtet minn reċessjoni.

Skont l-aħħar statistika, il-Brent crude naqas għal 36.05 dollaru għal kull barmil, li kien l-inqas prezz minn Lulju tal-2004, u sakemm irkupra bi ftit għal 36.47 dollaru l-barmil.

Fil-preżent, il-provvista taż-żejt ikkalkulata fuq livell globali laħqet livelli ‘esaġerati’, fost ċirkostanzi li qed ikomplu jnaqqsu l-prezz. Dan waqt li l-entitajiet li jipprovdu din ir-riżorsa naqsu milli jilħqu ftehim biex jindirizzaw sitwazzjoni fejn il-produzzjoni ssuperat id-domanda.

Hawnhekk wieħed jista’ jagħmel paragun mas-sitwazzjoni ta’ sena ilu.

Bħal dan iż-żmien sena, il-prezz tal-Brent kien madwar 60 dollaru l-barmil, waqt li f’Ġunju tal-2014, il-prezz kien stabbilit mal-115-il dollaru għal kull barmil.

Il-prezz taż-żejt mhux raffinat magħruf bħala US crude ukoll naqas għal 34.42 dollaru l-barmil, u dan ifisser l-aktar livell baxx mill-2009.

L-analisti qalu li ftit li xejn hemm sinjali li ċ-ċirkostanzi jistgħu jinbidlu u l-prezzijiet mistennija jkomplu fit-triq tan-niżla, meta s-suq qed jirċievi aktar kwantitajiet ta’ żejt li jipproduċu l-Istati Uniti u r-Russja. Intant, anki l-Iran għandu jibda jissupplixxi ż-żejt mis-sena d-dieħla wara li tneħħew is-sanzjonijiet imposti fuqu mill-komunità internazzjonali.