Għalissa ma tistax tinqara l-informazzjoni fil-kaxxa s-sewda (flight recorder) tal-ajruplan tal-gwerra Russu li kien twaqqa’, ġimgħat ilu, mill-qawwiet tal-ajru Torok.
Dan qaluh kelliema għall-militar tar-Russja, meta hu mifhum li l-memory chips tal-ajruplan imwaqqa’, tat-tip Su-24, ġarrbu ħsarat kbar inkella nqerdu għalkollox.
It-twaqqigħ tal-ajruplan Russu, li niżel fl-artijiet tas-Sirja viċin il-fruntiera mat-Turkija, qajjem kriżi kbira fir-relazzjonijiet ta’ Moska ma’ Ankara.
Intant, ir-Russi qed jittamaw li permezz tad-‘data’ mill-kaxxa s-sewda huma jkunu kapaċi jressqu l-provi li l-ajruplan ma daħal qatt fl-ispazju tal-ajru tat-Turkija, bħalma qed jinsistu l-awtoritajiet Torok. Madankollu, għandha tkompli l-ħidma tar-Russi bl-iskop li għall-inqas jirkupraw parti mid-data mitlufa.
Ir-rappreżentanti militari tar-Russja għadhom kemm ippreżentaw ir-riżultati preliminari f’Moska wara li l-kaxxa s-sewda tal-Su-24 kienet infetħet, nhar il-Ġimgħa, fil-preżenza ta’ esperti militari. Sadanittant, jidher li nqerdu 13 fost is-16-il memory chip, u l-analiżi taċ-chips li ma ġarrbux ħsarat estensivi żvelat li se jkun impossibbli għall-awtoritajiet li joħorġu informazzjoni valida bil-metodi u s-sistemi normali.
//= $special ?>