Grupp ta’ Musulmani Kenjani li kienu qed jivvjaġġaw fuq xarabank flimkien ma’ passiġġieri oħra Kristjani qabżu għal dawn il-Kristjani meta spiċċaw aggrediti minn entità ta’ militanti Iżlamiċi.
Ir-rapporti qalu li l-passiġġieri Musulmani rrifjutaw li jisseparaw minn mal-Kristjani u infurmaw lill-militanti li setgħu joqtluhom kollha flimkien jew iħalluhom ikomplu jivvjaġġaw bil-kwiet. Intant, il-militanti ddeċidew li jitilqu mill-post mingħajr ma xerrdu d-demm tal-passiġġieri inkwistjoni.
Dan kollu ħareġ fir-rapport ta’ Gvernatur lokali lill-istampa Kenjana u wara li mill-inqas żewġ persuni kienu sfaw maqtula fl-attakk fuq ix-xarabank, li seħħ qrib il-villaġġ ta’ El Wak, fiz-zona tal-fruntiera mas-Somalja. Il-Gvernatur ta’ Mandera, Ali Roba, aktar tard qal li n-nies fuq ix-xarabank urew ‘sens rari ta’ patrijottiżmu u solidarjetà’.
Ix-xarabank inkwistjoni kien qed jivvjaġġa minn Najrobi lejn Mandera, u l-awtoritajiet fil-Kenja jissuspettaw li l-militanti tal-grupp al-Shabab kienu responsabbli għall-attakk, għalkemm ma ħareġ l-ebda messaġġ konkret li jikkonferma dan.
//= $special ?>